1 TIMOTJU 1
1
Kapitlu 1
Tislima
1Pawlu, appostlu ta’ Kristu Ġesù b’ordni ta’ Alla s-Salvatur tagħna, u ta’ Kristu Ġesù t-tama tagħna,#Kol 1,27. 2lil Timotju, ibni tassew fil-fidi; grazzja, ħniena u sliem mingħand Alla l-Missier u mingħand Kristu Ġesù Sidna.#Tit 1,4.
Twissija kontra t-tagħlim ħażin
3Ibqa’ f’Efesu#1,3: Efesu: ara 2 Kor 1,8., bħalma wissejtek jien u sejjer lejn il-Maċedonja#1,3: Maċedonja: ara 1 Tes 4,10., biex tordna lil xi wħud ħalli ma jgħallmux tagħlim ieħor,#Atti 20,1. 4u anqas ma jiġru wara ħrejjef u ġenealoġiji#1,4: Ġenealoġiji: ara Titu 3,9. li ma jispiċċaw qatt, ħwejjeġ li aktar iqanqlu l-kurżità milli jgħinu għall-pjan ta’ Alla li jseħħ bil-fidi.#1 Tim 4,7; Tit 1,14. 5Issa l-iskop ta’ din it-twissija hu l-imħabba li toħroġ minn qalb safja, minn kuxjenza tajba u minn fidi sinċiera.#Rum 13,10. 6Xi wħud, billi tbiegħdu minn dan, intilfu fi tlablib fieragħ;#1 Tim 6,4-20; Tit 1,10. 7iridu jagħmluha ta’ għalliema tal-Liġi, bla ma jifhmu x’inhuma jgħidu jew fuqiex qegħdin jinsistu.
8Issa aħna nafu li l-Liġi hi tajba#1,8: il-Liġi hi tajba: jiġifieri l-Liġi ta’ Mosè. jekk wieħed jinqeda biha tajjeb;#Rum 7,10-16. 9nafu li l-Liġi mhijiex magħmula għal dawk li huma tajbin, imma għal dawk li huma bla liġi u bla rażan, ħżiena u midinbin, bla reliġjon u sagrilegi, qattiela ta’ missirijiethom u ta’ ommijiethom, qattiela, 10żienja, omosesswali, negozjanti tal-ilsiera, giddieba, dawk li jaħilfu l-falz; u għal dak kollu li jmur kontra t-tagħlim sħiħ.#1 Tim 4,6; 6,3; 2 Tim 4,3; Tit 1,9; 2,1. 11Dan hu li jgħallem l-Evanġelju tal-glorja ta’ Alla l-imbierek, fdat f’idejja.
Radd il-ħajr għall-ħniena ta’ Alla
12Niżżi ħajr lil Kristu Ġesù Sidna, li tani l-qawwa għal dan ix-xogħol u li deherlu li kienet tistħoqqli l-fiduċja tiegħu u għamilni ministru tiegħu,#Atti 9,15; Gal 1,15-16. 13lili li qabel kont dagħaj, persekutur u żeblieħi tiegħu. Iżda sibt il-ħniena, għax dak li għamilt għamiltu bla ma kont naf, billi kont għadni bla fidi.#Atti 8,3; 9,1-2; 1 Kor 15,9; Gal 1,13. 14Anzi lili l-grazzja ta’ Sidna kienet mogħtija bil-kotra, flimkien mal-fidi u mal-imħabba, li hi fi Kristu Ġesù. 15Din hija kelma ta’ min jemminha u jilqagħha għalkollox: li Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin; u fosthom, lili l-ewwel wieħed.#Lq 15,2; 19,10. 16Iżda jien minħabba f’hekk sibt il-ħniena, biex bija, bħala l-ewwel wieħed, Kristu Ġesù juri s-sabar kollu tiegħu, b’eżempju għal dawk li kienu għad iridu jemmnu fih biex ikollhom il-ħajja ta’ dejjem.
17Lis-Sultan ta’ dejjem,
li ma jmutx u li ma jidhirx,
lil Alla waħdu, ġieħ u glorja għal dejjem ta’ dejjem! Ammen.#Rum 16,27.
18Din hi, Timotju, ibni, l-ordni li nħallilek f’idejk skont il-profeziji li saru fuqek sa minn qabel; biex bis-saħħa tagħhom tidħol bil-qawwa għat-taqbida t-tajba,#1 Tim 6,12; 2 Tim 4,7; Ġuda 3. 19b’fidi u b’kuxjenza tajba. Xi wħud, għax warrbu l-kuxjenza, tfarrku fil-fidi. 20Fosthom hemm Imeni#1,20: Imeni: ara 2 Tim 2,17; Alessandru: ara 2 Tim 4,14. u Alessandru, li jien ħallejthom f’idejn ix-Xitan#1,20: Li jien ħallejthom f’idejn ix-Xitan: ara 1 Kor 5,5. biex jitgħallmu ma jeħduhiex kontra Alla.#1 Kor 5,5; 2 Tim 2,17; 4,14.
Currently Selected:
1 TIMOTJU 1: MB20
Highlight
Share
Copy

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.