Logo ng YouVersion
Hanapin ang Icon

EŻODU 13

13
Kapitlu 13
Il-liġi dwar l-ulied il-kbar
1U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 2“Ikkonsagrali l-frott kollu tal-bikri, lil kull min jitwieled l-ewwel mill-ġuf minn fost ulied Iżrael, fin-nies u fil-bhejjem, għax tiegħi hu.”#Eż 13,12-15; Lq 2,23.
Il-festa tal-Ażżmi
3U Mosè qal lill-poplu: “Ftakru f’dan il-jum, li fih ħriġtu mill-Eġittu, minn dar il-jasar. B’id qawwija ħariġkom il-Mulej minn hemm. Ma jittiekel xejn bil-ħmira.#Eż 12,2-20. 4Illum intom ħierġa fix-xahar ta’ Abib. 5U l-Mulej iwassalkom fl-art tal-Kangħanin, il-Ħittin u l-Amurrin, il-Ħiwwin u l-Ġebusin, l-art li hu ħalef lil missirijietkom li jagħtihielek, art tnixxi ħalib u għasel; għalhekk ibqgħu ħarsu din id-drawwa f’dan ix-xahar.#Dt 7,1. 6Għal sebat ijiem int tiekol ħobż ażżmu u fis-seba’ jum tagħmel festa lill-Mulej.#Eż 34,18. 7Ħobż ażżmu għandu jittiekel f’dawn is-sebat ijiem u ma għandu jidher ebda ħobż bil-ħmira għandek, u ebda ħmira fil-wesgħa kollha ta’ artek. 8U dak in-nhar għandek tgħid lil ibnek: ‘Dan nagħmlu talli għamel il-Mulej miegħi, meta ħariġni mill-Eġittu.’#Eż 10,2; 12,26-27. 9U din tkun għalik sinjal fuq idek, u tifkira bejn għajnejk, biex il-liġi tal-Mulej tkun fuq fommok; għax il-Mulej kellu juri l-qawwa ta’ driegħu biex ħarġek mill-Eġittu.#Eż 13,16; Dt 6,8; 11,18. 10Int iżżomm din il-liġi fi żmienha, minn sena għal sena.
L-offerta tal-ewwel wild
11“U wara li l-Mulej iġibek fl-art tal-Kangħanin kif ħalef lilek u lil missirijietek, u jagħtihielek,#Ġen 22; Eż 13,2; 22,28-30; 34,19-20; Num 3,12-13; 8,16-17; 18,15; Dt 15,19; Lq 2,22-24. 12inti twarrab għall-Mulej kulma jitwieled l-ewwel minn mara. Il-frieħ tal-ewwel, irġiel, ikunu tal-Mulej. 13Kull l-ewwel ferħ ta’ kull ħmar int tifdih b’ħaruf, u jekk ma tifdihx iksirlu għonqu. Inti tifdi kull l-ewwel iben minn uliedek.#Num 18,15. 14U jekk ’il quddiem ibnek għad jistaqsik: ‘X’ifisser dan?’ int tgħidlu: ‘Il-Mulej ħariġna mill-Eġittu, mill-art tal-jasar, bil-qawwa ta’ driegħu. 15U meta l-Fargħun b’xejn ma ried jitlaqna, il-Mulej qatel kull imwieled l-ewwel fl-art tal-Eġittu, l-imwieled l-ewwel sew tal-bnedmin, sew tal-bhejjem. Għalhekk jien noffri b’sagrifiċċju lill-Mulej kull raġel li jitwieled l-ewwel, u kull l-ewwel wild ta’ wliedi nifdih.’ 16U dan ikun b’sinjal fuq idek u mdendel bejn għajnejk; għaliex il-Mulej bil-qawwa ta’ driegħu ħarġek mill-art tal-Eġittu.”#Eż 13,9; Dt 6,8; 11,18.
Lejn Baħar il-Qasab
17Meta l-Fargħun ħalla l-poplu jitlaq, Alla ma għaddihomx mit-triq li taqsam l-art tal-Filistin#13,17: L-art tal-Filistin: din kienet taħbat fuq il-Grigal tal-Eġittu; minnha kienet u għadha tgħaddi l-iqsar triq għal Kangħan u l-bqija tat-Tramuntana., għalkemm kienet qrib. Alla qal: “Inkella l-poplu jindem malli jiltaqa’ ma’ taqbida, u jerġa’ lura lejn l-Eġittu.”#Eż 14,10-12; Num 14,1-2. 18Imma Alla dawwar il-poplu għat-triq fid-deżert lejn Baħar il-Qasab, u l-poplu ħareġ mill-art tal-Eġittu, u telgħu wlied Iżrael, imqassmin għall-ġlied, mill-art tal-Eġittu. 19U Mosè ħa miegħu l-għadam ta’ Ġużeppi, għaliex Ġużeppi kien ġiegħel lil ulied Iżrael jaħilfu li jagħmlu dan meta qalilhom: “Alla għad iżurkom, u intom għandkom iġġorru għadmi magħkom minn hawnhekk.”#Ġen 50,25; Ġoż 24,32. 20U telqu minn Sukkot, u waqfu f’Etam, f’tarf id-deżert.#Num 33,5-6. 21U l-Mulej binhar kien jimxi quddiemhom f’kolonna ta’ sħab biex jurihom it-triq u billejl f’kolonna tan-nar biex jagħtihom id-dawl, u b’hekk setgħu jimxu billejl u binhar.#Eż 40,36-38; Num 9,15-22; Dt 1,33; Neħ 9,19; S 78,14; 105,39; Għerf 10,17-18; Is 4,5. 22U l-kolonna tas-sħab binhar u l-kolonna tan-nar billejl ma kinitx tgħib minn quddiem il-poplu.

Kasalukuyang Napili:

EŻODU 13: MB20

Haylayt

Kopyahin

Paghambingin

Ibahagi

None

Gusto mo bang ma-save ang iyong mga hinaylayt sa lahat ng iyong device? Mag-sign up o mag-sign in