YouVersion Logo
Search Icon

ATTI TAL-APPOSTLI 9

9
Kapitlu 9
Il-konverżjoni ta’ Sawl
(Atti 22,6-16; 26,12-18)
1Sawl, li kien għadu bil-qawwa kollha jhedded bil-mewt lid-dixxipli tal-Mulej, mar għand il-qassis il-kbir#Atti 8,3; 9,13. #Atti 9,14. 2u talbu jagħtih ittri għas-sinagogi ta’ Damasku, biex ikun jista’ jaqbad l-irġiel u n-nisa kollha li jsib miexja fit-Triq#9,2: Triq: b’din il-kelma Luqa jrid jfisser il-mod ta’ ħajja ġdida kif bdew jgħixu l-insara u l-mixja tagħhom lejn is-salvazzjoni: ara 13,10; 16,17; 18,25-26; 19,9. 23; 22,4; 24,14. 22. tal-Mulej u jeħodhom marbuta Ġerusalemm. 3Huwa u sejjer, kif qorob lejn Damasku, f’daqqa waħda idda madwaru dawl mis-sema. 4Waqa’ fl-art#9,4: Waqa’ fl-art: Ma’ dan il-vers xi manuskritti jżidu l-kliem: Iebsa għalik li teħodha kontra n-niggieża, kif hemm f’26,14; manuskritti oħra jniżżlu din iż-żjieda wara l-v.5. Filwaqt li l-manuskritti kollha jaqblu fuq 26,14, hawnhekk ma jaqblux; min iżid dan il-kliem f’post u min f’ieħor. Għalhekk jidher ċar li mhuwiex postu hawn., u sama’ leħen jgħidlu: “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?” 5Hu wieġeb: “Min int, Mulej?” u l-leħen wieġbu: “Jiena Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah.#1 Kor 15,8. 6Imma issa qum u idħol il-belt, u hemmhekk jgħidulek x’għandek tagħmel.” 7Dawk li kienu sejrin miegħu baqgħu mbikkma, billi kienu semgħu l-leħen imma ma raw lil ħadd.#Għerf 18,1. 8Sawl qam mill-art, fetaħ għajnejh u ma sata’ jara xejn. Imbagħad mexxewh minn idu u wassluh Damasku.#Atti 13,11. 9Dam tlitt ijiem ma jarax, u la kiel u lanqas xorob.
10F’Damasku kien hemm dixxiplu, jismu Ħananija. Deherlu l-Mulej u qallu: “Ħananija!” “Hawn jien, Mulej,” wieġeb. 11U l-Mulej qallu: “Qum u mur fit-triq li jgħidulha d-Dritta, u hemm, fid-dar ta’ Ġuda, staqsi għal wieħed minn Tarsu, jismu Sawl. Dan qiegħed jitlob,#Atti 21,39. 12u ra f’dehra wieħed, jismu Ħananija, dieħel ħdejh u jqegħedlu idejh fuqu biex jerġa’ jieħu d-dawl.”#Mk 8,23-25. 13Ħananija wieġeb: “Mulej, jien smajt mingħand ħafna fuq dan ir-raġel, kemm għamel ħsara lill-qaddisin#9,13: Il-qaddisin: jew l-ikkonsagrati (ara nota Ġw 17,17), jiġifieri l-insara li huma kkonsagrati għas-servizz ta’ Alla permezz tal-magħmudija u għalhekk għandhom jgħixu skont ir-rieda ta’ Alla. tiegħek f’Ġerusalemm.#Atti 8,3; 9,1. 14U issa qiegħed hawn bis-setgħa mingħand il-qassisin il-kbar biex jarresta lil dawk kollha li jsejħu ismek.”#Atti 9,1-2; 22,16; 26,10; 2 Tim 2,22. 15Iżda l-Mulej wieġbu: “Mur, għax dan ir-raġel hu għodda magħżula minni biex iwassal ismi quddiem il-ġnus u s-slaten u quddiem ulied Iżrael.#Atti 26,1; 27,24; Rum 1,5. 16Jien stess għad nurih kemm irid ibati minħabba f’ismi.”#2 Kor 11,23-25. 17Ħananija telaq lejn id-dar ta’ Ġuda, daħal, qiegħed idejh fuq Sawl u qallu: “Sawl, ħija, il-Mulej Ġesù, li deherlek fit-triq inti u ġej hawn, bagħatni biex terġa’ tieħu d-dawl u timtela bl-Ispirtu s-Santu.” 18F’daqqa waħda waqa’ bħal qxur minn għajnejh u raġa’ beda jara. Imbagħad qam u tgħammed, 19kiel xi ħaġa, u ħa r-ruħ.
Sawl jippriedka f’Damasku
Għal ftit jiem qagħad mad-dixxipli f’Damasku. 20U malajr beda jxandar lil Ġesù fis-sinagogi u jgħid li dan hu l-Iben ta’ Alla. 21Kull min kien jisimgħu kien jistagħġeb u jgħid: “Dan mhuwiex dak li f’Ġerusalemm kien iħarbat lil dawk li jsejħu dan l-isem? U mhux għalhekk ġie hawn? M’hux biex jaqbadhom u jeħodhom marbuta għand il-qassisin il-kbar?”#Atti 8,1; 9,1-14; 26,10. 22Imma Sawl kulma jmur kien jissaħħaħ u kien iħawwad lil-Lhud li kienu joqogħdu Damasku bil-provi li kien iġibilhom li Ġesù hu l-Messija.#Atti 17,3; 18,5.28.
Sawl jaħrab mil-Lhud
23Wara li għadda ħafna żmien, il-Lhud ftiehmu li joqtlu lil Sawl;#Atti 23,12. 24imma hu sar jaf bil-ħsieb tagħhom. Huma kienu jgħassu lejl u nhar mal-bibien tal-belt biex joqtluh.#Atti 23,16. 25Imma darba billejl id-dixxipli tiegħu qabduh u niżżluh ġo qoffa mas-sur tal-belt.#2 Kor 11,33.
Sawl f’Ġerusalemm
26Meta wasal Ġerusalemm beda jfittex li jissieħeb mad-dixxipli. Imma lkoll kienu jibżgħu minnu, għax ma kinux emmnu li tassew ikkonverta.#Gal 1,18. 27Imbagħad Barnaba qabdu u ħadu miegħu għand l-appostli. Hu qalilhom kif Sawl kien ra lill-Mulej fit-triq u semgħu jkellmu, u kif f’Damasku kien tkellem b’wiċċu minn quddiem fl-isem ta’ Ġesù.#Atti 9,4.20; 22,7; 26,14; 1 Kor 9,1; 15,8. 28Għalhekk Sawl baqa’ magħhom, dieħel u ħiereġ Ġerusalemm, u kien jitkellem bil-miftuħ f’isem il-Mulej. 29Kien jitħaddet mal-Lhud Griegi u jiddiskuti magħhom; iżda huma kienu jfittxu li joqtluh. 30Meta l-aħwa saru jafu b’dan, niżżluh lejn Ċesarija u bagħtuh Tarsu.#Atti 11,25.
31Il-Knisja kienet fis-sliem fil-Lhudija u l-Galilija u s-Samarija kollha; kienet dejjem tikber u timxi ’l quddiem bil-biża’ tal-Mulej, u tiżdied fl-għadd bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.
Il-fejqan ta’ Enea
32Ġara li Pietru, huwa u jdur dawk l-inħawi kollha, niżel wkoll għand il-qaddisin#9,32: Il-qaddisin: ara nota 9,13. li kienu joqogħdu Lidda. 33Hemmhekk sab raġel mifluġ, jismu Enea, li kien ilu tmien snin mixħut fis-sodda. 34Pietru qallu: “Enea, Ġesù Kristu jfejqek; qum u ifrex is-sodda inti stess.” U dak minnufih qam. 35In-nies kollha li kienu joqogħdu f’Lidda u f’Saron rawh, u daru lejn il-Mulej.
Il-qawmien ta’ Tabita mill-mewt
36F’Ġaffa kien hemm waħda mid-dixxipli jisimha Tabita, isem li jfisser Għażżiela; kienet mara tagħmel ħafna opri ta’ karità u għemejjel tajba. 37Ħabat li f’dawk il-ġranet mardet u mietet; keffnuha, u qegħduha fil-kamra ta’ fuq#9,37: Fil-kamra ta’ fuq: ara nota 1,13.. 38Billi Lidda#9,38: Lidda: bejn Lidda, illum Lod, u Ġaffa, illum ħaġa waħda ma’ Tel-Aviv, hemm bogħod xi 20 km. tiġi qrib Ġaffa, id-dixxipli, meta semgħu li Pietru kien hemm, bagħtulu żewġt irġiel jitolbuh u jgħidulu: “Iddumx ma tiġi sa għandna.” 39Minnufih Pietru qam u telaq magħhom. Kif wasal, tellgħuh fil-kamra ta’ fuq, u r-romol kollha daru miegħu, jibku u juruh l-ilbiesi u l-imnatar li kienet għamlitilhom Tabita meta kienet għadha magħhom.#Atti 10,23. 40Pietru bagħat lil kulħadd ’il barra u niżel għarkubbtejh jitlob. Imbagħad dar lejn il-katavru u qal: “Tabita, qum!” Hi fetħet għajnejha u, malli rat lil Pietru, qamet bilqiegħda.#Mk 5,40-41. 41Pietru taha idu u qajjimha. Sejjaħ imbagħad lill-qaddisin u r-romol, u tahielhom ħajja. 42Ġaffa kollha saret taf b’dan, u ħafna emmnu fil-Mulej. 43Pietru baqa’ ftit jiem sewwa f’Ġaffa għand wieħed konzatur jismu Xmun.#Atti 10,6.32.

Currently Selected:

ATTI TAL-APPOSTLI 9: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

YouVersion uses cookies to personalize your experience. By using our website, you accept our use of cookies as described in our Privacy Policy