YouVersion Logo
Search Icon

ATTI TAL-APPOSTLI 8

8
Kapitlu 8
1Sawl kien fehma waħda magħhom fil-mewt li tawh.
Sawl jippersegwita l-Knisja
Dak iż-żmien qamet persekuzzjoni kbira kontra l-Knisja f’Ġerusalemm. Barra mill-appostli kulħadd xtered fl-artijiet tal-Lhudija u tas-Samarija.#Atti 7,58; 8,4; 11,19; 22,20. 2Xi rġiel twajba difnu lil Stiefnu, u bkewh ħafna.#Mt 14,12; Mk 6,29. 3Sadattant Sawl kien qiegħed jagħmel ħerba mill-Knisja; kien jidħol minn dar għal oħra, jaqbad irġiel u nisa u jitfagħhom il-ħabs.#Atti 9,1-13; 22,4; 26,9-11.
Predikazzjoni fis-Samarija
4Imma dawk li xterdu bdew ixandru l-kelma kull fejn marru.#Atti 8,1; 11,19. 5Filippu niżel f’belt tas-Samarija u xandar lil Kristu lin-nies tagħha. 6Il-folol tan-nies b’fehma waħda kienu joqogħdu attenti għal dak li kien jgħidilhom Filippu, meta kienu jisimgħuh u jaraw il-mirakli li kien jagħmel. 7Kien hemm nies maħkuma mill-ispirti ħżiena, u dawn b’għajjat kbir kienu joħorġu minn ħafna minnhom; u ħafna nies oħrajn, mifluġa jew zopop, kienu jitfejqu.#Mt 10,1; Mk 6,7; 16,17. 8U kien hemm ferħ kbir f’dik il-belt.
9Fil-belt kien hemm raġel jismu Xmun. Dan kien ilu jagħmel is-sħarijiet u jġennen lin-nies tas-Samarija u jgħidilhom li hu xi ħaġa kbira. 10Ilkoll, mill-kbar saż-żgħar, kienu jisimgħuh bil-ħerqa, għax kienu jgħidu: “Dan il-bniedem hu l-Qawwa ta’ Alla, li jgħidulha l-Qawwa l-Kbira!” 11Kienu jisimgħuh għax kien ilu ħafna jġenninhom bis-sħarijiet tiegħu. 12Meta mbagħad emmnu l-Bxara t-tajba li Filippu kien ixandrilhom fuq is-Saltna ta’ Alla u fuq l-isem ta’ Ġesù Kristu, tgħammdu, kemm l-irġiel u kemm in-nisa. 13Xmun ukoll emmen u tgħammed, u kien dejjem maġenb Filippu, u kien jibqa’ miblugħ meta kien jara s-sinjali u l-mirakli kbar li kienu jsiru.
14L-appostli, li kienu Ġerusalemm, semgħu li s-Samarija laqgħet il-kelma ta’ Alla, u bagħtu hemm lil Pietru u ’l Ġwanni. 15Dawn niżlu hemm u talbu biex dawk li emmnu jirċievu l-Ispirtu s-Santu; 16għax l-Ispirtu s-Santu kien għadu ma niżel fuq ħadd minnhom, imma kienu tgħammdu biss f’isem il-Mulej Ġesù. 17Imbagħad l-appostli qiegħdu idejhom fuqhom, u huma rċevew l-Ispirtu s-Santu.#Atti 19,6. 18Meta Xmun ra li bit-tqegħid tal-idejn tal-appostli kienu jirċievu l-Ispirtu s-Santu, huwa offra l-flus lill-appostli 19u qalilhom: “Agħtu din is-setgħa lili wkoll, biex kull min inqiegħed idejja fuqu jirċievi l-Ispirtu s-Santu.” 20Imma Pietru wieġbu: “Alla jeqred flusek u lilek magħhom, ladarba ħsibt li bi flusek tista’ tixtri d-don tiegħu! 21Int ma għandekx x’taqsam f’din il-ħaġa, ma għandek ebda jedd għaliha; qalbek mhijiex sinċiera quddiem Alla!#S 78,37. 22Indem minn dan il-ħażen tiegħek, u itlob lill-Mulej biex forsi jaħfirlek dan il-ħsieb tiegħek; 23għax, milli qiegħed nara, int qalbek mimlija mrar, u l-ħażen ijassrek.”#Dt 29,18; Is 58,6. 24Imbagħad Xmun wieġbu: “Itolbu intom għalija lill-Mulej, ħalli ma jiġrili xejn minn dan li intom għedtu.”
25Pietru u Ġwanni, wara li taw ix-xhieda tagħhom u xandru l-kelma tal-Mulej, reġgħu lura Ġerusalemm. Huma u sejrin, xandru l-Bxara t-tajba lil ħafna rħula Samaritani.
Filippu u l-uffiċjal mill-Etjopja
26Anġlu tal-Mulej#8,26: Anġlu tal-Mulej: ara nota Mt 1,20. qal lil Filippu: “Qum, mur u aqbad it-triq li tieħu lejn in-Nofsinhar minn Ġerusalemm għal Gaża.” Din hi fid-deżert. 27Filippu qam u telaq. Huwa u sejjer, jara raġel mill-Etjopja, ewnuku#8,27: Ewnuku: din il-kelma nistgħu neħduha fis-sens proprju tagħha, jiġifieri raġel kastrat (Mt 19,12) jew fis-sens ta’ raġel ta’ fiduċja fis-servizz tas-sultan. Kandaċi: titlu tas-sultana tal-Etjopja., uffiċjal għoli ta’ Kandaċi, sultana tal-Etjopja, li kien jieħu ħsieb it-teżori kollha tagħha. Dan kien ġie Ġerusalemm biex jagħti qima lil Alla. 28Huwa u sejjer lura, kif kien bilqiegħda fuq il-karru tiegħu, kien qiegħed jaqra l-ktieb tal-profeta Isaija. 29Imbagħad l-Ispirtu qal lil Filippu: “Mur ersaq maġenb il-karru.” 30Filippu mar jgħaġġel lejn ir-raġel. Kif semgħu jaqra l-ktieb tal-profeta Isaija staqsieh: “Dan li qed taqra qiegħed tifhmu?” 31Dak wieġbu: “Kif nista’ nifhem jekk xi ħadd ma jurinix?” Imbagħad stieden lil Filippu biex jitla’ bilqiegħda ħdejh.#Ġw 16,13. 32Is-silta tal-Iskrittura li kien qiegħed jaqra kienet din:
‘Bħal nagħġa meħuda għall-qatla,
u bħal ħaruf sieket quddiem min iġiżżu,
hekk hu ma fetaħx fommu.
33 Għakksuh u kien imċaħħad mill-ġustizzja.
Min qatt jista’ jirrakkonta fuq nislu?
Għax neħħewlu ħajtu minn fuq l-art.’
34Mela qal l-ewnuku lil Filippu: “Għidli, nitolbok, għal min qiegħed jgħid dan il-profeta? Għalih innifsu jew għal xi ħadd ieħor?” 35Imbagħad Filippu fetaħ fommu u beda minn din is-silta tal-Iskrittura jxandarlu l-Evanġelju ta’ Ġesù. 36Huma u sejrin#8,36: Huma u sejrin: Xi manuskritti jżidu v. 37: Filippu qallu: “Jekk int temmen b’qalbek, tista’.” L-ewnuku wieġeb: “Jiena nemmen li Ġesù Kristu hu l-Iben ta’ Alla.” Jista’ jkun vers li daħal mir-rit antik tal-magħmudija. għal għonq it-triq, waslu f’post fejn kien hemm l-ilma. U l-ewnuku qal: “Ara, hawn l-ilma! X’qiegħed iżommni li ma nitgħammidx?”#Atti 10,47. 38Imbagħad ordna li jwaqqfu l-karru, niżlu t-tnejn fl-ilma, hu u Filippu, u dan għammdu. 39Malli telgħu mill-ilma, l-Ispirtu tal-Mulej ħataf lil Filippu; l-ewnuku ma rahx iktar u baqa’ sejjer fi triqtu kollu ferħan.#1 Slat 18,12. 40Filippu sab ruħu f’Ażotu#8,40: Ażotu: belt antika tal-Filistin fix-xatt tal-Lbiċ tal-Palestina; ara 1 Sam 5,1-7.; huwa u għaddej minn dawk l-inħawi, kien ixandar l-Evanġelju f’kull belt sakemm wasal Ċesarija.#Atti 21,8.

Currently Selected:

ATTI TAL-APPOSTLI 8: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in