YouVersion logotips
Meklēt ikonu

2 MAKKABIN 12

12
Kapitlu 12
Ġuda jaħbat għal Ġaffa u postijiet oħra
1Wara li saru dawn il-pattijiet Lisja mar għand is-sultan, u l-Lhud marru jaħdmu r-raba’ 2Imma minn fost il-gvernaturi ta’ dawk l-inħawi, Timotju u Apollonju bin Gennew, u wkoll Ġilormu u Demofon, u magħhom Nikanor, iċ-Ċiprijott, ma ħallewhomx jgħixu bi kwiethom u fis-sliem.
3In-nies ta’ Ġaffa mbagħad għamlu delitt faħxi. Stiednu l-Lhud kollha li kienu jgħammru f’nofshom biex jitilgħu bin-nisa u t-tfal fuq id-dgħajjes li kienu ħejjewlhom, bħallikieku ma kellhom ebda ħsieb ħażin kontrihom, 4skont deċiżjoni tal-ġemgħa tal-belt. Il-Lhud, billi riedu jgħixu fis-sliem magħhom u ma kellhom ebda suspett, laqgħu l-istedina, imma meta ħarġuhom ’il barra, għarrquhom. Kienu mhux anqas minn mitejn ruħ.
5Ġuda malli sar jaf b’din il-kefrija man-nies ta’ ġensu ta l-ordnijiet lin-nies ta’ madwaru 6u sejjaħ lil Alla, l-imħallef ġust, imbagħad telaq għall-assassini ta’ ħutu, ta n-nar billejl lill-port, ħaraq id-dgħajjes, u għadda minn xifer ix-xabla lil dawk li marru jistkennu fihom.#S 7,11. 7U billi l-belt kienet magħluqa, telaq minn hemm bil-ħsieb li jerġa’ jiġi u jeqred in-nies ta’ Ġaffa.
8Sar jaf ukoll li n-nies ta’ Ġamnija riedu jimxu bl-istess mod mal-Lhud li kienu jgħammru f’nofshom; 9billejl inxteħet għal fuq in-nies ta’ Ġamnija, ta n-nar lill-port bix-xwieni b’kollox, tant li d-dawl tal-ħġejjeġ kien jidher sa minn Ġerusalemm, mitejn u erbgħin stadju#12,9: Stadju: ara nota 11,5 ’l bogħod.
10Malli tbiegħdu xi disa’ stadji minn hemm u kienu sejrin għal Timotju, qabżu fuqhom mhux anqas minn ħamest elef suldat u ħames mitt kavallier Għarbi.#1 Mak 5,24-54. 11U xegħlet battalja qalila u n-nies ta’ Ġuda bl-għajnuna ta’ Alla marru tajjeb, u n-nomadi, mirbuħa kif kienu, talbu lil Ġuda jagħmel paċi magħhom, u wegħduhom li jagħtuhom il-bhejjem u jibqgħu jiswewlu fi ħwejjeġ oħra. 12Ġuda fehem li setgħu jiswewlu tassew f’ħafna ħwejjeġ, aċċetta li jagħmel paċi magħhom, ħadu b’id xulxin u telqu lejn it-tined tagħhom.
13Ġuda ħabat għal belt iffortifikata jisimha Kaspin, mdawra b’ħitan u swar u mgħammra b’taħlita ta’ nies minn ħafna ġnus. 14In-nies li kienu ġewwa kellhom moħħhom mistrieħ bil-qawwa tas-swar u bil-ħażna tal-ikel, ħaduha man-nies ta’ Ġuda, bdew jgħajruhom, u fuq kollox jidgħu u jkellmuhom ħażin.
15Imma n-nies ta’ Ġuda sejħu lis-Sid il-kbir tad-dinja, li mingħajr kbiex u għodod oħra tal-gwerra ġarraf il-belt ta’ Ġeriko fi żmien Ġożwè, u nxteħtu għal fuq is-sur qishom bhejjem feroċi.#Ġoż 6; Lhud 11,30. 16Malli ħatfu f’idejhom il-belt bir-rieda ta’ Alla, għamlu straġi sħiħa, tant li l-għadira tal-qrib, wiesgħa żewġ stadji, dehret tbaqbaq bid-demm.
17Minn hemm imbagħad tbiegħdu xi seba’ mija u ħamsin stadju u għaddew Karaks; hawn kien hawn il-Lhud, jgħidulhom it-Tubjanin.#1 Mak 5,37-54. #1 Mak 5,13. 18Lil Timotju ma sabuhx f’dawk l-inħawi, għax kien telaq minn hemm bla ma rnexxielu jagħmel xejn, imma ħalla gwarniġjun qawwi sewwa fl-inħawi ta’ hemm.
19Dositew u Sosipater, ġenerali ta’ madwar il-Makkabi, ħarġu għall-battalja u qatlu n-nies li Timotju kien ħalla fil-fortizza, ’il fuq minn għaxart elef ruħ.
20Imma l-Makkabi qassam l-eżerċtu qatgħa qatgħa, u qiegħed kmandanti, wieħed għal kull waħda minnhom; u hu rħielha għal Timotju, li kellu miegħu fanterija ta’ mija u għoxrin elf ruħ u elfejn u ħames mitt kavallier. 21Malli sar jaf bl-avanzata ta’ Ġuda, Timotju bagħat quddiem in-nisa u t-tfal u t-tagħbijiet li kellhom f’post imsejjaħ Karnajm. Din kienet fortizza diffiċli taħbat għaliha jew tilħaqha minħabba d-djuq tal-mogħdijiet li jagħtu għaliha. 22Malli dehret l-ewwel qatgħa ta’ Ġuda l-għedewwa twerwru u ħakimhom il-biża’ għad-dehra ta’ Dak li jara kollox, u ħarbu min ’l hemm u min ’l hawn, tant li ħafna minnhom darbuhom sħabhom stess u nifduhom bix-xwabel tagħhom. 23Ġuda mbagħad għamel għal warajhom b’dagħdigħa kbira fuqu u nifed lil dawk ix-xellerati u qered minnhom madwar tletin elf ruħ. 24Timotju nnifsu waqa’ f’idejn in-nies ta’ Dositew u Sosipater; u beda jitlobhom li jitilquh qawwi u sħiħ, għax, qalilhom bil-ħażen ta’ moħħu, kellu f’idejh il-ġenituri ta’ ħafna minnhom, u l-aħwa tal-oħrajn, u dawn imorru ħażin jekk joqtluh. 25Wara li żgurahom b’ħafna tpaċpiċ li jibgħathom lura qawwijin u sħaħ, telquh bit-tama li jsalvaw lil ħuthom.
26Ġuda mbagħad ħareġ għal Karnajm u t-tempju ta’ Atargati#12,26: Atargati: alla falz tas-Sirjani bis-simbolu tal-ħuta., u hemm qatel ħamsa u għoxrin elf ruħ.#Eż 23,22. 27Wara t-tħarbita u l-qerda ta’ dawn, mar bl-eżerċtu lejn Għefron, belt iffortifikata, li fiha kien joqgħod Lisja u kotra ta’ nies minn ħafna ġnus. Kien hemm ħafna żgħażagħ b’saħħithom imqassma quddiem is-swar li bdew jiġġieldu b’ħilithom kollha; kellhom tagħmira kbira ta’ magni tal-gwerra u vleġeġ. 28Imma wara li sejħu s-Sid, li bil-qawwa tiegħu jkisser il-forzi tal-għedewwa, ħatfu l-belt f’idejhom u qatlu xi ħamsa u għoxrin elf minn dawk li kienu ġo fiha.
29Imbagħad telqu minn hemm u rħewlha lejn Xitopoli#12,29: Xitopoli: il-belt ta’ Bestan; ara 1 Mak 5,52., belt ’il bogħod minn Ġerusalemm xi sitt mitt stadju.#2 Mak 3,24-26; 5,2-3; 10,29-30; 11,8. 30Billi l-Lhud li kienu joqogħdu hemm xehdu kemm in-nies ta’ Xitopoli kienu jinġiebu magħhom u li fi żminijiet koroh ħennew għalihom, 31irringrazzjawhom u talbuhom li għall-quddiem jibqgħu ħbieb mal-ġens tagħhom, imbagħad reġgħu lura lejn Ġerusalemm, għax il-festa tal-Ġimgħat kienet fil-qrib.#Dt 16,9-10; 2 Kron 8,13.
32Wara l-festa ta’ Għid il-Ħamsin il-Lhud ħarġu għal Gorġja, il-gvernatur tal-Idumija,#1 Mak 13,43-48. #Eż 23,14; Ġob 2,1; Atti 2,1; 20,16. 33li kien qiegħed javanza bi tlitt elef fanterija u erba’ mitt kavallier. 34Ġara li fil-battalja waqgħu mejta xi wħud mil-Lhud. 35Wieħed raġel jismu Dositew, min-nies ta’ Bakimor, kavallier qalbieni, qabad lil Gorġja mill-mantar tiegħu u beda jiġbdu b’kemm kellu saħħa, għax lil dan il-misħut ried jaqbdu ħaj, imma kavallier mit-Traċja qabeż fuqu u qatagħlu driegħu. U hekk Gorġja ħarab lejn Marisa.#Ġoż 15,44. 36Dawk tal-qatgħa ta’ Esdri għejew għax kienu ilhom ħafna jitqabdu; għalhekk Ġuda talab il-Mulej jitqabad magħhom u jmexxi hu l-battalja. 37Imbagħad b’leħen għoli u b’ilsien missirijietu intona innijiet tal-gwerra u ħebb għal għarrieda għat-truppi ta’ Gorġja u ġagħalhom jaħarbu.
38Ġuda mbagħad ġabar l-eżerċtu u mar fil-belt ta’ Għadullam. Kif qorob is-seba’ jum, issaffew skont id-drawwa tagħhom, u ċċelebraw is-Sibt hemmhekk.#Num 31,19. 39L-għada n-nies ta’ Ġuda marru jiġbru l-iġsma tal-mejtin, ħaġa li kellha ssir, biex jidfnuhom ma’ qrabathom fl-oqbra ta’ missirijiethom. 40Imma taħt l-ilbies ta’ kull wieħed mill-mejtin sabulhom xi oġġetti kkonsagrati lill-idoli ta’ Ġamnija, ħaġa li skont il-Liġi ma kinitx tiswa għal-Lhud. Hekk deher ċar lil kulħadd għala dawn in-nies baqgħu mejta.#Dt 7,25. 41Ilkoll imbagħad bdew ibierku lill-Mulej, l-imħallef ġust, li jikxef il-ħwejjeġ moħbija, 42u marru jitolbu; u talbu li d-dnub li għamlu jkun maħfur għalkollox. U Ġuda, ta’ qalb nobbli, widdeb lis-suldati li jżommu ruħhom ħielsa mid-dnub għax kienu raw b’għajnejhom x’kien ġara minħabba d-dnub ta’ dawk li kienu baqgħu mejta. 43Ġuda l-Makkabi għamel ġabra minn fost in-nies tiegħu u bagħat Ġerusalemm is-somma ta’ elfejn drakma tal-fidda biex isir sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; għamel ħaġa sabiħa u sewwa billi ħaseb fil-qawmien mill-imwiet#12,43: Għamel ħaġa sabiħa u sewwa billi ħaseb fil-qawmien mill-imwiet: Ġuda ħaseb biex joffri sagrifiċċju kbir għall-purifikazzjoni tal-mejtin fil-battalja għal tliet raġunijiet: l-ewwel għax kien jemmen fil-ħajja wara l-mewt u fil-qawmien mill-imwiet; it-tieni għax kien jemmen li hemm il-ħlas għall-ġusti li jmutu fil-grazzja ta’ Alla; it-tielet, l-offerta tas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni tista’ tpatti għad-dnubiet tal-mejtin u taqlgħalhom il-maħfra. Fuq din il-bażi hi mibnija d-duttrina tal-purgatorju u l-effikaċja tal-offerta tas-suffraġju għall-erwieħ tal-purgatorju..#Lev 4,2-35. 44Li kieku ma kienx jemmen li l-mejtin jerġgħu jqumu, kienet tkun bluha u ħaġa żejda titlob għall-mejtin. 45Iżda billi hu ġieb quddiem għajnejh il-ġmiel tal-ħlas li hemm lest għal dawk li jorqdu r-raqda tal-mewt fil-ħbiberija ma’ Alla, il-ħsieb tiegħu kien qaddis u twajjeb. Għalhekk offra sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, biex il-mejtin jinħelsu minn dnubhom.

Pašlaik izvēlēts:

2 MAKKABIN 12: MB20

Izceltais

Kopēt

Salīdzināt

Dalīties

None

Vai vēlies, lai tevis izceltie teksti tiktu saglabāti visās tavās ierīcēs? Reģistrējieties vai pierakstieties