2 MAKKABIN 10
10
Kapitlu 10
Il-purifikazzjoni tat-tempju (164 QK)
1Il-Makkabi u n-nies tiegħu mmexxija mill-Mulej, reġgħu ħadu f’idejhom it-tempju u l-belt;#1 Mak 4,36-61. 2ħattew l-artali mwaqqfa mill-barranin fil-pjazza, u s-santwarji. 3Naddfu t-tempju, u bnew artal ieħor. Imbagħad kebbsu n-nar biż-żnied, ħadu n-nar minnu u offrew is-sagrifiċċju wara waqfien ta’ sentejn, ħarqu l-inċens, xegħlu l-imsiebaħ u reġgħu qiegħdu l-ħobż tal-preżenza. 4Wara li għamlu dan kollu, talbu mixħutin wiċċhom fl-art lill-Mulej, li ma jħallix iżjed jiġu fuqhom dawn il-ħsarat, imma, jekk qatt jerġgħu jaqgħu fid-dnub, ħa jikkastigahom hu fil-ħniena tiegħu, u ma jitlaqhomx f’idejn il-ġnus midgħajja u barbari. 5Ħabat li t-tempju naddfuh sewwasew fil-jum meta kienu niġġsuh il-barranin, nhar il-ħamsa u għoxrin tal-istess xahar ta’ Kislew. 6Għal tmint ijiem sħaħ iċċelebraw ferħana l-festa bħalma jagħmlu fil-festa tal-Għerejjex, u ftakru li ftit żmien qabel kienu għaddew il-festa tal-Għerejjex fuq il-muntanji u fl-għerien bħal bhejjem selvaġġi. 7U għalhekk bil-liedna u l-friegħi ħodor u l-palm f’idejhom bdew jgħannu u jfaħħru lil Dak li wassalhom bis-sliema biex inaddfu l-post imqaddes tiegħu.#Lev 23,40; Neħ 8,15. 8U ordnaw b’digriet u editt tagħhom ilkoll li l-poplu kollu Lhudi ta’ kull sena jagħmel festa f’dawn il-ġranet.
9Dawn kienu l-ġrajja ta’ tmiem Antijoku, imsejjaħ Epifani.#Sir 7,17; Atti 12,23. #1 Mak 6,17.
Żmien Antijoku V Ewpator (163-162 QK)
10Issa nirrakkuntaw il-ġrajja ta’ żmien Antijoku Ewpator, bin dak ix-xellerat, u ngħidu xi ħaġa fil-qosor dwar il-ħsarat li ġiebu magħhom il-gwerer.
11Malli ħa l-poter f’idejh telaq l-amministrazzjoni tas-saltna f’idejn wieħed jismu Lisja, il-gvernatur ġenerali taċ-Ċelesirja u l-Feniċja.#2 Mak 8,8. 12Tolemew, jgħidulu Makron#10,12: Tolemew, jgħidulu Makron: kien bin Dorimeni, 4,45; għall-ewwel kien għadu tal-Lhud; ara 1 Mak 3,38; 2 Mak 8,8., beda jimxi bis-sewwa mal-Lhud, minħabba l-inġustizzji li kienu saru magħhom qabel, u fittex li jmur tajjeb magħhom. 13U minħabba f’hekk, il-ħbieb akkużawh quddiem Ewpator. Barra dan kien jisma’ lil kulħadd isejjaħlu traditur; għax kien telaq lil Ċipru li Filometor kien ħalla f’idejh, u mar għal ma’ Antijoku Epifani. Minħabba f’hekk ma setax iżomm aktar il-kariga għolja li kellu, u xorob il-velenu u temm ħajtu.
14Gorġja, li kien laħaq gvernatur ta’ dawk l-inħawi, beda jiġbor truppi barranin u jfittex kull okkażjoni biex jaħbat għal-Lhud. 15U fl-istess ħin l-Edomin ukoll, li kellhom f’idejhom l-aħjar fortizzi, kienu jħabbtu lil-Lhud u jilqgħu l-maħrubin minn Ġerusalemm, u jfittxu li jżommu ħajja l-gwerra.#1 Mak 5,1-8.
16Il-Makkabi u n-nies tiegħu għamlu supplika u talbu lil Alla li jkun alleat tagħhom u ħabtu għall-fortizzi tal-Edomin.#2 Mak 8,23-24. 17Attakkawhom b’ħilithom kollha u ħatfuhom f’idejhom, għelbu ’l dawk kollha li kienu jiġġieldu fuq is-swar, qatlu lil kull min iltaqgħu miegħu, u qerdu mhux inqas minn għoxrin elf ruħ. 18Mhux inqas minn disat elef marru jistkennu f’żewġ torrijiet iffortifikati mgħammra b’kulma kien jenħtieġ għal assedju. 19Il-Makkabi, imbagħad, wara li ħalla hemm lil Xmun u lil Ġużeppi u wkoll lil Żakkew u n-nies tiegħu li kienu biżżejjed għall-assedju, mar fejn l-aktar kien meħtieġ. 20Imma n-nies ta’ Xmun, mirgħuba għall-flus, ħallew ruħhom jinxtraw min-nies li kienu fit-torrijiet u wara li qabdu f’idejhom sebgħin elf drakma, ħallew lil xi wħud minnhom jaħarbu. 21Il-Makkabi, malli qalulu b’li ġara, sejjaħ il-kapijiet tal-poplu u akkużahom li biegħu lil ħuthom għall-flus billi ħallew l-għedewwa tagħhom jaħarbu. 22Imbagħad qatel lit-tradituri u minnufih ħa f’idejh iż-żewġ torrijiet. 23Mar tajjeb f’kull impriża tal-armi li daħal għaliha, u qered aktar minn għoxrin elf ruħ fil-fortizzi.
Ir-rebħa fuq Timotju
24Timotju, li qabel kienu għelbuh il-Lhud, ġama’ kotra kbira ta’ truppi barranin u ġabar kavallerija kbira mill-Asja, u ġie biex jaħtaf il-Lhudija bl-armi. 25Meta dan kien riesaq lejhom, il-Makkabi u n-nies tiegħu bdew jitolbu lil Alla, bl-irmied fuq rashom u xkejjer ma’ qaddhom. 26Mixħuta wiċċhom fl-art quddiem l-artal talbu lill-Mulej iħenn għalihom u li jsir għadu tal-għedewwa tagħhom u jeħodha ma’ dawk li qamu għalihom, skont ma kienet tgħid il-Liġi.
27Wara li kienu talbu qabdu l-armi, u tbiegħdu biċċa sewwa mill-belt. Kif qorbu lejn l-għedewwa waqfu biswithom. 28Ma’ tlugħ ix-xemx, ġew fl-idejn. Bħala rahan tar-riżq u r-rebħa, barra l-ħila tagħhom, min-naħa l-waħda kellhom il-fiduċja tagħhom fil-Mulej u min-naħa l-oħra d-dagħdigħa li kellhom fuqhom fit-taqbida.
29Kif leħqet fl-eqqel tagħha l-battalja, dehru lill-għedewwa mis-sema ħamest irġiel jiddu fuq iż-żwiemel bl-ilġiem tad-deheb imexxu l-Lhud. 30Dawn qiegħdu lill-Makkabi f’nofshom, satruh bl-armi tagħhom, u dawruh b’mod li ma setax jindarab; imma fuq l-għedewwa bdew iwaddbu vleġeġ u sajjetti, u billi dawn waqa’ għama sħiħ fuqhom, tħabblu u tħawdu, u bdew jaqgħu. 31Minnhom inqerdu għoxrin elf u ħames mitt suldat u sitt mitt kavallier.
32Timotju ħarab fil-fortizza jgħidulha Geżer, armata sewwa, taħt il-kmand ta’ Kereja. 33In-nies tal-Makkabi kollhom ħeġġa assedjaw il-fortizza għal erbat ijiem. 34Dawk li kienu ġewwa b’moħħhom mimli bil-qawwa tal-post bdew jidgħu kemm jifilħu u jwaddbu kliem faħxi. 35Malli sebaħ il-ħames jum għoxrin żagħżugħ minn madwar il-Makkabi, mixgħula bil-qilla minħabba d-dagħa, inxteħtu għal fuq is-sur b’ħila ta’ rġiel u b’saħna ta’ bhejjem selvaġġi, u qatlu kemm waqgħu taħt idejhom. 36L-oħrajn imbagħad f’din il-konfużjoni telgħu għall-assedjati minn naħa oħra u ħabtu għalihom; taw in-nar lit-torrijiet, qabbdu l-ħġejjeġ u lill-midgħajja ħarquhom ħajjin. Oħrajn imbagħad sfrundaw il-bibien, daħħlu l-bqija tal-eżerċtu, u ħatfu l-belt f’idejhom. 37Fl-aħħar imbagħad qatlu lil Timotju li kien moħbi f’bir, u lil ħuh Kereja u lil Apollofani.
38X’ħin temmew dan kollu bdew ifaħħru lill-Mulej b’innijiet u għana ta’ radd il-ħajr, għax kien għamel ġid kbir ma’ Iżrael u tahom ir-rebħa.
Pašlaik izvēlēts:
2 MAKKABIN 10: MB20
Izceltais
Kopēt
Salīdzināt
Dalīties
Vai vēlies, lai tevis izceltie teksti tiktu saglabāti visās tavās ierīcēs? Reģistrējieties vai pierakstieties
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.