MARK Ħarsa ħafifa lejn il-ktieb
Ħarsa ħafifa lejn il-ktieb
L-evanġelju skont Mark hu wieħed ippakkjat bl-azzjoni minkejja l-fatt li hu l-iqsar wieħed mill-erbgħa li għandna. Mill-bidu nett tal-ministeru tiegħu, Ġesù jagħmel sensiela twila ta’ mirakli ta’ fejqan. L-importanza ta’ dawn il-mirakli, fl-għajnejn tal-evanġelista, hi li lkoll iseħħu bil-qawwa ta’ Alla.
Punt ieħor importanti li joħroġ minn dan l-evanġelju hu l-kuntrast bejn minn jaċċetta u min jirrifjuta li jagħraf lil Ġesù. Il-mexxejja reliġjużi tal-poplu jiċħdu lill-Mibgħut ta’ Alla, joħolqu konflitti miegħu kontinwament, u jispiċċaw jikkonfoffaw biex isibu mezz li jwarrbuh min-nofs. Għall-kuntrarju, ix-xjaten, mhux biss jagħrfu lil Kristu u jħossu l-qawwa divina tiegħu, imma jxandruh li hu kien l-Iben ta’ Alla li kien mistenni.
Skont ir-rakkont ta’ Mark tal-ħafna mirakli li għamel Ġesù, ir-reazzjoni tan-nies hi waħda ta’ stagħġib. Kull min hu xhud ta’ xi miraklu ta’ Ġesù, jibqa’ mistagħġeb bil-qawwa li toħroġ minnu.
Hu maħsub li dan kien l-ewwel evanġelju li nkiteb. Spiss Mark jispjega t-tifsira ta’ kliem bl-Aramajk jew jagħti dettalji dwar xi drawwiet Lhud. Dan jagħti wieħed x’jifhem li l-evanġelista kien qed jindirizza l-kitba tiegħu lill-pagani u lill-insara li ma kinux Lhud. Irid jinkoraġġixxi lil kulħadd biex jemmen fil-qawwa ta’ Ġesù li ġie biex jeħles lil min kien imjassar mill-mard, mill-ħakma tax-xitan u mill-mewt.
Irid ukoll jgħid lin-nisrani, li l-ħajja l-ġdida ta’ fidi u aċċettazzjoni ta’ Ġesù mhix faċli, anzi, kull min jimxi wara Ġesù jrid ikun lest li jaqdi, u jġorr is-salib bħalma għamel Ġesù nnifsu.
Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra (10,43-45).
It-taqsim tal-ktieb
Il-ftuħ tal-evanġelju (1,1-13)
Il-ħidma pubblika ta’ Ġesù fil-Galilija (1,14—9,50)
Mill-Galilija għal Ġerusalemm (10,1-52)
L-aħħar ġimgħa qrib u f’Ġerusalemm (11,1—15,47)
Il-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù (16,1-8)
Id-dehriet u t-tlugħ fis-sema ta’ Ġesù (16,9-20)
Currently Selected:
MARK Ħarsa ħafifa lejn il-ktieb: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Foundation, 2020.