YouVersion Logo
Search Icon

LUQA 11

11
Kapitlu 11
Tagħlim fuq it-talb
(Mt 6,9-15; 7,7-11)
1Darba kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu.”#Lq 5,33. 2U qalilhom: “Meta titolbu, għidu,
‘Missier, jitqaddes ismek,
tiġi Saltnatek.
3Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum.
4U aħfrilna dnubietna,
għax aħna wkoll naħfru lil kull min
hu ħati għalina,
u la ddaħħalniex fit-tiġrib.’ ”
5Qalilhom ukoll: “Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f’nofs ta’ lejl u jgħidlu, ‘Ħabib, islifni tliet ħobżiet, 6għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x’nagħtih.’ 7U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u jgħidlu, ‘Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik.’#Mt 26,10; Lq 18,5; Gal 6,17. 8Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kulma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu. U jiena ngħidilkom:#Lq 18,5. 9Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. 10Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu. 11Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? 12Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun? 13Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”
Ġesù u Begħelżebul
(Mt 12,22-30; Mk 3,20-27)
14Ġesù kien qiegħed ikeċċi xitan, li kien imbikkem. Meta x-xitan ħareġ, l-imbikkem tkellem, u n-nies stagħġbu. 15Iżda xi wħud minnhom qalu: “Bis-saħħa ta’ Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten, qiegħed ikeċċihom ix-xjaten.”#Mt 9,34. 16Oħrajn, biex iġarrbuh, riedu mingħandu sinjal mis-sema.#Mt 12,38; 6,1; Mk 8,11; 1 Kor 1,22. 17Iżda hu ntebaħ x’kienet il-fehma tagħhom, u qalilhom: “Kull saltna maqsuma fiha nfisha ssir ħerba, u taqa’ dar fuq oħra#11,17: Dar fuq oħra: litteralment ‘dar fuq dar’. It-traduzzjoni ta’ dan il-vers hija diffiċli.. 18Jekk ix-Xitan ukoll hu kontra tiegħu nnifsu, kif se żżomm wieqfa s-saltna tiegħu? Għax intom tgħidu li jien bis-saħħa ta’ Begħelżebul inkeċċihom ix-xjaten. 19Imma jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Begħelżebul, uliedkom bis-saħħa ta’ min ikeċċuhom? Għalhekk huma stess ikunu l-imħallfin tagħkom. 20Iżda jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta’ Alla.#Eż 8,19. 21Sakemm il-bniedem qawwi u armat tajjeb jgħasses il-palazz tiegħu, ħwejġu jkunu fiż-żgur. 22Imma jekk wieħed aqwa minnu jaqbeż fuqu u jegħlbu, jaħtaflu l-armi kollha li fuqhom kien iserraħ rasu, u jqassam il-priża tiegħu. 23Min mhuwiex miegħi huwa kontra tiegħi, u min ma jiġborx miegħi, ixerred.#Mk 9,40; Lq 9,50.
L-ispirtu mniġġes iħabbat lill-bniedem
(Mt 12,43-45)
24“Meta l-ispirtu mniġġes joħroġ minn bniedem, huwa jmur jiġġerra u jfittex il-mistrieħ f’art niexfa, u billi ma jsibu mkien, jgħid, ‘Mela nerġa’ lura lejn dari mnejn ħriġt.’ 25U x’ħin jiġi, isibha miknusa u kollox f’postu. 26Imbagħad imur iġib seba’ spirti oħra agħar minnu, u jidħlu joqogħdu hemm ġew. U fl-aħħar dak il-bniedem isib ruħu f’qagħda agħar minn ta’ qabel.”#Ġw 5,14.
L-hena veru
27Huwa u jgħid dan, kien hemm waħda mara li għolliet leħinha minn qalb il-folla u qaltlu: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!”#Lq 1,28-42. 28Iżda hu qalilha: “Imma tassew ngħidlek, aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!”
Nisel ħażin irid sinjal
(Mt 12,38-42; Mk 8,12)
29Meta l-folla tan-nies żdiedet, Ġesù qabad u qal: “Nisel ħażin huwa dan in-nisel! Irid sinjal! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief is-sinjal ta’ Ġona.#Mt 16,4; 1 Kor 1,22. 30Għax bħalma Ġona sar sinjal għan-nies ta’ Ninwè, hekk isir Bin il-bniedem għal dan in-nisel. 31F’jum il-ħaqq, is-sultana tan-nofsinhar għad tqum man-nies ta’ dan in-nisel u tikkundannahom, għax hi ġiet mit-truf tal-art biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Salamun!#1 Slat 10,1-10; 2 Kron 9,1-12. 32F’jum il-ħaqq, in-nies ta’ Ninwè għad iqumu ma’ dan in-nisel u jikkundannawh, għax huma nidmu wara l-predikazzjoni ta’ Ġona; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Ġona!#Ġona 3,8-10.
Id-dawl tal-bniedem
(Mt 5,15; 6,22-23; Mk 4,21)
33“Ħadd ma jixgħel musbieħ u jqiegħdu xi mkien fil-moħbi jew taħt il-modd#11,33: Jew taħt il-modd: dan il-kliem hu nieqes f’ħafna manuskritti; f’oħrajn neqsin il-kliem iżda fuq l-imnara., iżda fuq l-imnara, biex dawk li jidħlu jkunu jistgħu jaraw id-dawl.#Mk 4,21; Lq 8,16. 34Il-musbieħ tal-ġisem hija għajnek. Jekk għajnek hi safja, il-ġisem ukoll ikun kollu mdawwal tajjeb. Iżda jekk għajnek hi marida, ġismek ukoll ikun mudlam. 35Mela ara jekk id-dawl li għandek fik huwiex dlam! 36Jekk ġismek hu kollu mdawwal tajjeb u ma fih imkien mudlam, ikun jiddi kollu kemm hu bħal meta musbieħ idawlek bid-dija tiegħu.”
Ġesù jikkundanna lill-Fariżej u lill-għorrief tal-Liġi
(Mt 23,1-36; Mk 12,38-40; Lq 20,45-47)
37Huwa u jitkellem, wieħed Fariżew stiednu għandu għall-ikel. Daħal għandu u qagħad bilqiegħda.#Lq 7,36; 14,1. 38Imma l-Fariżew stagħġeb meta ra li qabel xejn ma nħasilx skont ir-riti ta’ qabel l-ikel.#Mt 15,2. 39U l-Mulej qallu: “U issa intom il-Fariżej! Intom tnaddfu t-tazza u l-platt minn barra, iżda minn ġewwa intom mimlija bis-serq u l-ħażen. 40Kemm intom bla moħħ! Min għamel in-naħa ta’ barra, ma għamilx ukoll in-naħa ta’ ġewwa? 41Mela agħtu karità minn dak li hemm ġewwa, u taraw kif kollox ikunilkom nadif. 42Imma ħażin għalikom intom il-Fariżej! Intom tħallsu d-dieċmi fuq in-nagħniegħ u l-fejġel u fuq kull xorta ta’ ħxejjex, u mbagħad għal dik li hi ġustizzja u mħabba ta’ Alla tħallu kollox għaddej. Dawn kien imisskom tħarsu, mingħajr ma tħallu l-oħrajn barra.#Lev 27,30. 43Ħażin għalikom intom il-Fariżej! Intom tħobbu s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi u min isellmilkom fil-pjazez. 44Ħażin għalikom! Qiskom l-oqbra, li ma tagħrafhomx, u n-nies tgħaddi minn fuqhom bla ma tintebaħ bihom.”
45Qabeż wieħed mill-għorrief tal-Liġi u qallu: “Mgħallem, b’dan li qiegħed tgħid qiegħed tgħajjar lilna wkoll!” 46Qallu Ġesù: “Ħażin għalikom ukoll intom l-għorrief tal-Liġi! Intom tgħabbu n-nies b’tagħbijiet li bilkemm wieħed jiflaħhom u li intom stess anqas b’saba’ wieħed ma tmissuhom. 47Ħażin għalikom! Intom tibnu l-oqbra tal-profeti li qatlu missirijietkom, 48u b’hekk tagħtu xhieda ta’ kulma għamlu missirijietkom u turu li taqblu magħhom, għax huma qatluhom u intom tibnulhom l-oqbra. 49Kien għalhekk li l-Għerf ta’ Alla qal, ‘Jien nibagħtilhom profeti u appostli, u huma joqtlu u jippersegwitaw lil xi wħud minnhom.’ 50U hekk dan in-nisel ikollu jagħti kont ta’ demm il-profeti#11,50: Demm il-profeti: jiġifieri l-mewt vjolenti li ġarrbu l-profeti. kollha li nxtered sa mill-ħolqien tad-dinja, 51ibda mid-demm ta’ Abel sad-demm ta’ Żakkarija, li qerduh bejn l-altar u s-santwarju. Iva, ngħidilkom, dan in-nisel ikollu jagħti kont!#Ġen 4,8; 2 Kron 24,20-21. 52Ħażin għalikom intom l-għorrief tal-Liġi! Intom ħtaftu l-muftieħ tal-għerf, biex imbagħad intom stess ma dħaltux u żammejtu lura lil min ried jidħol!” 53Meta Ġesù ħareġ minn hemm, il-kittieba u l-Fariżej bdew irossuh kemm jifilħu b’mistoqsijiet fuq ħafna ħwejjeġ 54u jonsbuh biex jaraw jaqbdux xi ħaġa minn fommu.#Lq 20,20.

Currently Selected:

LUQA 11: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in