YouVersion Logo
Search Icon

ĠWANNI 19

19
Kapitlu 19
1Imbagħad Pilatu ordna li jieħdu lil Ġesù u jagħtuh is-swat. 2Is-suldati nisġu kuruna tax-xewk u qegħduhielu fuq rasu, u libbsuh mantar aħmar skur.#Lq 23,11. 3U bdew ġejjin quddiemu u jgħidulu: “Is-sliem għalik, ja sultan tal-Lhud!” U bdew jagħtuh bil-ħarta.#Ġw 18,22. 4Għal darb’ oħra Pilatu ħareġ barra jgħidilhom: “Araw, se nġibhulkom quddiemkom hawn barra, biex tkunu tafu li jien ma nsib ebda ħtija fih.”#Lq 23,4; Ġw 18,38. 5U Ġesù ħareġ hemm barra, liebes il-kuruna tax-xewk u l-mantar aħmar; u Pilatu qalilhom: “Arawh, hawn hu l-bniedem!” 6X’ħin rawh, il-qassisin il-kbar u l-għases bdew jgħajtu u jgħidu: “Sallbu! Sallbu!” Pilatu qalilhom: “Ħuduh u sallbuh intom; jiena ma nsib ebda ħtija fih.”#Ġw 18,34. 7Il-Lhud weġbuh: “Aħna għandna liġi, u skont din il-liġi għandu jmut, għax għamel lilu nnifsu Bin Alla.”#Lev 24,16; Ġw 5,18; 10,33; 18,31.
8Meta sama’ dan, Pilatu aktar baża’. 9Raġa’ daħal fil-Pretorju u qal lil Ġesù: “Int mnejn int?” Imma Ġesù ma wieġbu xejn.#Lq 23,9. 10Għalhekk Pilatu qallu: “Lili ma tkellimx? Ma tafx li jiena għandi s-setgħa neħilsek u għandi s-setgħa nsallbek?” 11Ġesù wieġbu: “Ma kien ikollok ebda setgħa fuqi kieku ma ġietx mogħtija lilek minn fuq; għalhekk min ta lili f’idejk għandu ħtija akbar.”#Ġw 10,18; Rum 13,1. 12Minn dak il-ħin ’il quddiem Pilatu beda jfittex kif jeħilsu; imma l-Lhud issuktaw jgħajtu u jgħidu: “Jekk teħles lil dan, tiksirha ma’ Ċesari#19,12: Ċesari: isem l-ewwel imperatur Ruman, li mbagħad ħaduh l-imperaturi l-oħra ta’ warajh. F’dan iż-żmien kien l-imperatur Tiberju., għax kull min jagħmel lilu nnifsu sultan ikun qiegħed jeħodha kontra Ċesari.”#Lq 23,2; Ġw 18,37; Atti 17,7.
13Meta semagħhom jgħidu dan, Pilatu ġieb lil Ġesù barra u qiegħdu fuq sedja għolja#19,13: U qiegħdu fuq sedja għolja: din it-traduzzjoni taqbel ħafna mal-kuntest, u aċċettawha tradutturi bibliċi moderni. Oħrajn jittraduċu: Pilatu ħa postu fit-tribunal., fil-post imsejjaħ Litòstrotos#19,13: Litòstrotos: kelma Griega li tfisser il-paviment., bil-Lhudi Gabbatà. 14Kien Jum it-Tħejjija tal-Għid, għall-ħabta tas-sitt siegħa#19,14: Għall-ħabta tas-sitt siegħa: jiġifieri sa nofsinhar, il-ħin li fih kienu joqtlu l-ħrief fit-tempju għall-ikla tal-Għid. San Ġwann jorbot is-sagrifiċċju ta’ Kristu mal-ħaruf tal-Għid.. Pilatu qal lil-Lhud: “Arawh is-sultan tagħkom!” 15Dawk infexxew jgħajtu: “Għall-mewt! Għall-mewt! Sallbu!” Pilatu qalilhom: “Jien se nsallab lis-sultan tagħkom?” Imma l-qassisin il-kbar weġbuh: “Aħna ma għandniex sultan ħlief lil Ċesari!” 16Fl-aħħar tahulhom f’idejhom biex isallbuh.
Ġesù msallab
(Mt 27,32-44; Mk 15,21-32; Lq 23,26-43)
U huma ħadu lil Ġesù. 17Ġesù rafa’ s-salib#19,17: Rafa’ s-salib: ara nota Mt 27,32. u ħareġ lejn il-post imsejjaħ ‘il-Qorriegħa’, bil-Lhudi Golgota#19,17: Golgota: daqsxejn ta’ għolja barra l-ħitan ta’ Ġerusalemm; ara nota Mt 27,33.. 18Hemm huma sallbuh ma’ tnejn oħra, wieħed kull naħa, u Ġesù fin-nofs. 19Pilatu għamel kitba u waħħalha fuq is-salib; fiha kien hemm miktub, “Ġesù ta’ Nazaret, is-sultan tal-Lhud.” 20Din il-kitba qrawha ħafna Lhud, għax il-post fejn sallbu lil Ġesù kien qrib il-belt, u l-kitba kienet bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg. 21Għalhekk il-qassisin il-kbar tal-Lhud marru jgħidu lil Pilatu: “Ma kienx imissek tikteb, ‘Is-sultan tal-Lhud,’ imma li ‘Dan qal: Jiena sultan tal-Lhud.’ ” 22Pilatu wieġeb: “Issa li ktibt ktibt!”
23Wara li sallbu lil Ġesù, is-suldati#19,23: Is-suldati …: skont il-liġi Rumana, dawn kellhom il-jedd għall-ilbies tal-iġġustizzjat. ħadu l-ilbies tiegħu u qassmuh f’erbgħa, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll it-tunika; din kienet libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel. 24Ftiehmu bejniethom u qalu: “Ma nqattgħuhiex, iżda nitfgħu x-xorti għaliha, u lil min tmiss jeħodha.” Dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid,
“Ħwejġi qasmu bejniethom,
u għall-ilbies tiegħi tefgħu x-xorti.”
U dan tabilħaqq għamluh is-suldati.#S 22,18. 25Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala.#Mt 27,55-56; Mk 15,40-41; Lq 23,49. 26Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.”#Ġw 13,23; 20,2; 21,7-20. 27Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.
Il-mewt ta’ Ġesù
(Mt 27,45-56; Mk 15,33-41; Lq 23,44-49)
28Wara dan, Ġesù, billi issa kien jaf li kollox kien mitmum, biex isseħħ l-Iskrittura qal: “Għandi l-għatx!”#S 22,16. 29Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża#19,29: Xarrbu sponża …: dan kien ix-xorb ordinarju tas-suldati Rumani. L-issopu kien il-pjanta użata għat-traxxix tal-ilma fir-riti tal-purifikazzjoni tat-tempju. bil-ħall, waħħluha ma’ qasba tal-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu.#S 69,22. 30Kif Ġesù ħa l-ħall, qal: “Kollox hu mitmum!” Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu.
Il-ġenb minfud ta’ Ġesù
31Billi kien Jum it-Tħejjija tal-Għid, il-Lhud ma ridux li f’jum is-Sibt l-iġsma jibqgħu fuq is-salib, għax dak is-Sibt kien jum solenni għalihom. Talbu mela lil Pilatu#19,31: Talbu mela lil Pilatu …: l-imsallab kien imut bil-mod il-mod bi qtigħ in-nifs; meta jiksrulu r-riġlejn, ma jkunx jista’ jserraħ iżjed u għalhekk kien imut aktar malajr. biex jiksrulhom riġlejhom u jneħħu l-iġsma.#Dt 21,22-23. 32Għalhekk ġew is-suldati u kisru r-riġlejn tal-ewwel u tat-tieni wieħed li kienu msallbin miegħu. 33Iżda meta waslu għal Ġesù, billi raw li kien ġa mejjet, ma kisrulux riġlejh. 34Madankollu wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma.#1 Ġw 5,6-8. 35Dan qiegħed jixhdu min ra b’għajnejh, u x-xhieda tiegħu hija minnha. Hu jaf li qiegħed jgħid il-verità, biex intom ukoll temmnu.#Ġw 21,24. 36Għax dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid,
‘Ebda waħda minn għadmu ma jkissrulu.’ # Eż 12,46; Num 9,12; S 34,20.
37U hemm ukoll kitba oħra fl-Iskrittura li tgħid,
‘Huma għad iħarsu lejn min nifdu.’ # Żak 12,10.
Id-difna ta’ Ġesù
(Mt 27,57-61; Mk 15,42-47; Lq 23,50-56)
38Wara dan, Ġużeppi minn Arimatija#19,38: Arimatija: ara nota Mt 27,57., li kien dixxiplu ta’ Ġesù bil-moħbi għax kien jibża’ mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesù. Pilatu ħallieh, u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu.#Ġw 7,13; 9,22; 20,19. 39Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù billejl, u ġieb miegħu taħlita ta’ morr u sabbara, tiżen xi mitt libbra#19,39: Morr u sabbara, tiżen xi mitt libbra: il-morr kien iservi bħala balzmu għall-katavru, u s-sabbara bħala fwieħa. Il-100 libbra tagħhom kienu jġibu 32.7 kg..#Ġw 3,1-2; 7,50. 40Dawn it-tnejn ħadu l-ġisem ta’ Ġesù u kebbewh bil-faxex tal-għażel bil-fwejjaħ, kif soltu jagħmlu l-Lhud qabel id-difna. 41Fejn kienu sallbu lil Ġesù kien hemm ġnien, u f’dan il-ġnien kien hemm qabar ġdid li fih kienu għadhom ma difnu lil ħadd. 42Hemm qiegħdu lil Ġesù, għax kien Jum it-Tħejjija għal-Lhud, u għax il-qabar kien fil-qrib.

Currently Selected:

ĠWANNI 19: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

YouVersion uses cookies to personalize your experience. By using our website, you accept our use of cookies as described in our Privacy Policy