YouVersion Logo
Search Icon

MATTEW 11

11
Kapitlu 11
Il-messaġġiera ta’ Ġwanni l-Battista
(Lq 7,18-35)
1Meta mbagħad Ġesù temm jagħti dawn it-twissijiet lit-tnax-il dixxiplu tiegħu, telaq minn hemm biex jippriedka fl-ibliet tagħhom.
2Ġwanni, li kien fil-ħabs sama’ bl-għemejjel tal-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu#Mt 14,3. 3u qallu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”#Mal 3,1; Mt 3,11; Ġw 1,15-27; 6,14; Atti 19,4; Apk 1,4-8. 4Ġesù wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw:#Is 3,5. 5l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra.#Is 42,18; 61,1. 6Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!”#Mt 26,31. 7Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ?#Mt 3,5. 8Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. 9Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta.#Mt 14,5; 21,26; Lq 1,76. 10Dan hu li fuqu hemm miktub,
‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbâr
tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek.’ # Eż 23,20; Mal 3,1; Ġw 3,28; Mk 1,2; Lq 1,76; 7,27.
11Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu. 12Minn żmien Ġwanni l-Battista sal-lum is-Saltna tas-Smewwiet il-bnedmin qegħdin jitħabtu bis-sħiħ għaliha, u dawk li jitħabtu bis-sħiħ jaħtfuha.#Lq 16,16. 13Għax il-Profeti kollha, u wkoll il-Liġi#11,13: Il-Liġi: it-TQ bl-istituzzjonijiet kollha tiegħu, jew aħjar il-Ktieb tal-Liġi ta’ Mosè., ħabbru sa żmien Ġwanni, 14u, jekk tridu temmnuni, dan hu Elija#11,14: Elija: il-Lhud fi żmien Kristu kienu jemmnu li qabel il-Messija kellu jidher Elija; ara Mal 4,5. li għandu jiġi.#Mt 17,10-13; Mk 9,11-13; Lq 1,17; Ġw 1,21. 15Min għandu widnejn ħa jisma’!
16“Imma ma’ min se nxebbhu dan in-nisel? Inxebbhu lil qabda tfal bilqiegħda fil-pjazez jgħajtu lil sħabhom 17u jgħidu:
‘Daqqejnielkom il-flawt,
u ma żfintux,
għannejnielkom in-niket,
u ma bkejtux!’
18Għax tassew, ġie Ġwanni, la jiekol u lanqas jixrob, u qegħdin jgħidu, ‘Għandu fih xitan.’#Mt 3,4. 19Ġie Bin il-bniedem, jiekol u jixrob, u qegħdin jgħidu, ‘Araw, xi bniedem wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin.’ Imma l-għerf ta’ Alla tawh raġun l-opri tiegħu stess.”#Mt 9,11; Lq 15,1-2; 19,7.
Saħta fuq il-bliet li ma nidmux
(Lq 10,13-15)
20Ġesù mbagħad qabad iċanfar bis-sħiħ l-ibliet li ma wrewx indiema minkejja l-ħafna mirakli li kien għamel fihom: 21“Ħażin għalik, Korożajn#11,21: Korożajn: u Betsajda, żewġt ibliet fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-għadira tal-Galilija.! Ħażin għalik, Betsajda! Għax kieku l-mirakli li saru fikom saru f’Tir u Sidon, kieku ilhom li wrew indiema bl-ilbies tal-ixkejjer#11,21: Bl-ilbies tal-ixkejjer: sinjal ta’ ndiema u penitenza. u l-irmied.#Is 23,1-8; Ġoel 3,4-8; Għam 1,9-10; Żak 9,2-4. 22Iżda ngħidilkom li jum il-ħaqq se jkun eħfef għal Tir u Sidon#11,22: Tir u Sidon: żewġt ibliet Feniċi fuq ix-xtut tal-Mediterran tal-Lvant. milli għalikom. 23U int, Kafarnahum, taħseb li se titgħolla sas-sema? Sal-qiegħ nett għad tinxteħet! Għax kieku l-mirakli li saru fik saru f’Sodoma, kieku għadha wieqfa sal-lum.#Is 14,13-15; Ġen 9,24-28; 2 Pt 2,6; Ġuda 7. 24Imma ngħidilkom li jum il-ħaqq se jkun eħfef għall-art ta’ Sodoma milli għalik.”#Mt 10,15; Lq 10,12.
Ejjew għandi, u jiena nserraħkom
(Lq 10,21-22)
25F’dak iż-żmien Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin.#1 Kor 1,26-29. 26Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok.
27“Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.#Mt 28,18; Ġw 1,18; 3,35; 10,15; 13,3; 17,22; Fil 2,9.
28“Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.#Ġer 31,25. 29Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.#Ġer 6,16. 30Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.”#1 Ġw 5,3.

Currently Selected:

MATTEW 11: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

YouVersion uses cookies to personalize your experience. By using our website, you accept our use of cookies as described in our Privacy Policy