YouVersion Logo
Search Icon

LUQA 14

14
Kapitlu 14
Ġesù jfejjaq raġel marid
1Darba, kien is-Sibt, daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih.#Lq 11,37. 2U resaq quddiemu wieħed marid bl-ilma. 3Ġesù qabad jistaqsi lill-għorrief tal-Liġi u lill-Fariżej; qalilhom: “Jiswa jew le li wieħed ifejjaq f’jum is-Sibt?”#Lq 6,9. 4Huma ma tkellmu xejn iżda hu qabad lir-raġel, fejqu u bagħtu. 5Imbagħad qalilhom: “Min minnkom se jaqagħlu ibnu jew barri f’ġiebja u għax ikun is-Sibt ma jmurx malajr itellgħu minn hemm?”#Mt 12,11; Lq 13,15. 6U ma kellhomx il-ħila jwiġbuh għal dan.#Mt 22,46.
Kif iġġib ruħek meta jistidnuk jew tistieden
7Billi ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola:#Mt 23,6. 8“Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta’ tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta’ quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek,#Prov 25,6-7. 9u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek, ‘Agħti l-post lil dan’, u int imbagħad, b’regħxa ta’ mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post tal-aħħar. 10Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post tal-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek, ‘Ħabib, itla f’post aktar ’il fuq.’ U dan ikun ta’ ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek. 11Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.”#Mt 23,12; Lq 18,14. 12Imbagħad qal ukoll lil dak li kien stiednu: “Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. 13Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, 14u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja!”#Ġw 5,29.
Il-parabbola tal-pranzu
(Mt 22,1-10)
15Wieħed minn dawk li kienu miegħu għall-mejda, meta semgħu jgħid dan, qallu: “Hieni min jiekol il-ħobż fis-Saltna ta’ Alla!”#Lq 13,29. 16Iżda hu wieġeb: “Wieħed raġel għamel pranzu kbir u stieden ħafna nies. 17Meta sar il-ħin għall-ikel, bagħat lill-qaddej tiegħu għand il-mistednin biex jgħidilhom, ‘Ejjew, għax ġa lest kollox.’ 18Imma lkoll xorta waħda bdew isibu xi skuża. L-ewwel wieħed qallu, ‘Xtrajt għalqa, u jeħtieġli mmur naraha; nitolbok tagħdirni.’ 19Ieħor qallu, ‘Xtrajt ħames żwieġ barrin, u sejjer nara x’jagħtu; nitolbok tagħdirni.’ 20Ieħor qallu, ‘Iżżewwiġt, għalhekk ma nistax niġi.’#1 Kor 7,33. 21Il-qaddej raġa’ lura għand sidu u qallu kollox. Is-sinjur, b’korla fuqu, qal lill-qaddej tiegħu, ‘Ħaffef, oħroġ fil-pjazez u t-triqat tal-belt, u daħħal hawn il-foqra u l-magħtuba u l-għomja u z-zopop.’ 22Il-qaddej imbagħad qallu, ‘Sar kif ordnajt int, sinjur, u għad hemm il-wisa’.’ 23‘Oħroġ fil-mogħdijiet u fl-għelieqi,’ qal is-sid lill-qaddej, ‘u ġiegħel in-nies tidħol, ħalli dari timtela. 24Għax kif ngħidilkom jien, ebda wieħed minn dawk li kienu mistiedna ma jduq l-ikel tiegħi.’ ”
X’jeħtieġ biex tkun dixxiplu
(Mt 10,37-38)
25Kotra kbira ta’ nies kienet miexja miegħu; hu dar lejhom u qalilhom: 26“Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u ’l ommu u lil martu u lil uliedu, ’l ħutu subien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu.#Mt 10,37-38. #Dt 33,9; Mt 16,24; Mk 8,34; Lq 9,23; 18,29; Ġw 12,25. 27Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.#Mt 10,38; 16,24; Mk 8,34; Lq 9,23.
28“Għax min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwel nett iqis in-nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sa l-aħħar? 29Għax jekk jiġrilu li jqiegħed is-sisien biex imbagħad ma jkunx jista’ jtemm il-bini, kull min jarah jibda jwaqqgħu għaċ-ċajt 30u jgħid, ‘Dan il-bniedem beda jibni u ma kellux il-ħila jkompli sal-aħħar.’ 31Jew liema sultan, li jkun sejjer jagħmel gwerra kontra sultan ieħor, ma joqgħodx l-ewwel bilqiegħda biex jara jekk jistax b’għaxart elef raġel iħabbatha ma’ min ġej għalih b’għoxrin elf ruħ? 32Għax inkella, meta l-ieħor ikun għadu ’l bogħod, ikollu jibgħatlu ambaxxata biex jitolbu l-ftehim għall-paċi. 33Hekk ukoll ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu.
34“Tajjeb, iva, il-melħ, imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma tiegħu? 35U la għall-art ma jkun jiswa, u lanqas għad-demel; jarmuh barra. Min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’!”#Mt 11,15; 13,43; Mk 4,9-23; Lq 8,8.

Currently Selected:

LUQA 14: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

YouVersion uses cookies to personalize your experience. By using our website, you accept our use of cookies as described in our Privacy Policy