YouVersion Logo
Search Icon

MATTEW 26

26
Kapitlu 26
Il-kapijiet jiftiehmu kontra Ġesù
(Mk 14,1-2; Lq 22,1-2; Ġw 11,45-53)
1Meta temm dawn id-diskorsi kollha, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: 2“Tafu li jumejn oħra jkun il-Għid, u Bin il-bniedem se jingħata biex isallbuh.”#Eż 12,1-27; Mt 20,18-19; 27,26; Mk 15,15; Lq 24,7-20; Ġw 19,16. 3Imbagħad il-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu nġabru fil-palazz tal-qassis il-kbir, li kien jismu Kajfa, 4u bdew jiftiehmu kif jaqbdu lil Ġesù bil-qerq ta’ moħħhom u jagħtuh il-mewt. 5Iżda qalu: “Mhux fil-festa, li ma tinqalax xi rewwixta fil-poplu.”
Ġesù midluk f’Betanja
(Mk 14,3-9; Ġw 12,1-8)
6Ġesù kien Betanja#26,6: Betanja: ara nota 21,17., għand Xmun il-lebbruż. 7U resqet lejh mara, b’vażett tal-alabastru biż-żejt ifuħ, jiswa ħafna, u ferrgħethulu fuq rasu xħin hu kien għadu fuq il-mejda.#Lq 7,36-38. 8Id-dixxipli, kif raw dan, bdew jitmasħnu u jgħidu: “Dan il-ħala kollu għalfejn? 9Dan sata’ jġib prezz tajjeb u jingħata karità lill-foqra.” 10Ġesù induna u qalilhom: “Għaliex qegħdin iddejquha lil din il-mara? Ħaġa tajba għamlet miegħi. 11Il-foqra ssibuhom dejjem magħkom, imma lili m’hux se ssibuni dejjem magħkom.#Dt 15,11. 12Jekk hija xerrdet din il-fwieħa fuq ġismi, dan għamlitu bi tħejjija għad-difna tiegħi. 13Tassew, ngħidilkom, li kull fejn jixxandar dan l-Evanġelju fid-dinja kollha, li għamlet din jingħad ukoll, b’tifkira tagħha.”
It-tradiment ta’ Ġuda
(Mk 14,10-11; Lq 22,3-6)
14Imbagħad wieħed mit-Tnax, jismu Ġuda l-Iskarjota, mar għand il-qassisin il-kbar#Ġw 11,57. 15u qalilhom: “Xi tridu tagħtuni u jiena nagħtikom lil Ġesù f’idejkom?” U huma tawh tletin biċċa tal-fidda bħala ħlas.#Żak 11,12; Eż 21,32. 16Minn dak il-ħin beda jfittex okkażjoni tajba biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom.
Ġesù jagħmel l-ikla tal-Għid mad-dixxipli
(Mk 14,12-21; Lq 22,7-14.21-23; Ġw 13,21-30)
17Fl-ewwel jum tal-Ażżmi d-dixxipli resqu lejn Ġesù u qalulu: “Fejn tridna nħejjulek l-ikla tal-Għid?”#Eż 12,14-20. 18U hu qalilhom: “Morru l-belt għand it-tali, u għidulu, ‘Qallek l-Imgħallem: Is-siegħa tiegħi waslet; jien se nagħmel l-ikla tal-Għid għandek mad-dixxipli tiegħi.’ ” 19Id-dixxipli għamlu kif ordnalhom Ġesù u ħejjew l-ikla tal-Għid. 20Għall-ħin ta’ filgħaxija qagħad fuq il-mejda flimkien mat-Tnax, 21u waqt l-ikel qal: “Tassew ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini.” 22Huma bdew isewdu qalbhom ħafna u kull wieħed minnhom beda jsaqsih: “Jaqaw jien, Mulej?” 23U Ġesù weġibhom: “Dak li jmidd idu u jbill il-ħobż fi platt wieħed miegħi, dak li se jittradini.#S 41,9. 24Bin il-bniedem imur kif hemm miktub fuqu imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f’idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!” 25Qabeż Ġuda, dak li ttradieh, u qallu: “Jaqaw jien, Rabbi#26,25: Rabbi: kelma Lhudija li tfisser mgħallem, surmast tiegħi.?” Wieġbu Ġesù: “Int qiegħed tgħidu.”
Il-twaqqif tal-Ewkaristija
(Mk 14,22-26; Lq 22,15-20; Ġw 6,51-58; 1 Kor 11,23-25)
26Huma u jieklu, Ġesù ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newlu lid-dixxipli u qal: “Ħudu, kulu, dan hu ġismi.”#Mt 14,19; 15,36; Mk 6,41; 8,6; Lq 9,16. #1 Kor 10,16; 11,23-25. 27Imbagħad ħa l-kalċi f’idejh, radd il-ħajr, newlilhom il-kalċi u qal: “Ixorbu lkoll minnu, 28għax dan huwa demmi, id-demm tal-Patt#26,28: Id-demm tal-Patt: id-demm li jissiġilla u jwettaq ir-rabta u l-patt bejn Alla u l-poplu tiegħu., li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet.#Eż 24,8; Ġer 31,31; Żak 9,11; Lhud 9,20. 29Ngħidilkom, li ma nerġax nixrob iżjed minn dan il-frott tad-dielja sa dak inhar li nixrob inbid ġdid magħkom fis-Saltna ta’ Missieri.”
It-taħbira taċ-ċaħda ta’ Pietru
(Mk 14,27-31; Lq 22,31-34; Ġw 13,36-38; 16,32)
30Kantaw is-salmi#26,30: Kantaw is-salmi: fl-aħħar tal-ikla kienu jkantaw S 115-118. u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ.#S 113—118; Lq 22,39. 31Imbagħad Ġesù qalilhom: “Ilkoll kemm intom se titħawdu minħabba fija f’dan il-lejl; għax hemm miktub,
‘Nidrob ir-ragħaj,
u n-nagħaġ tal-merħla jitferrxu.’ # Żak 13,7; Mt 26,56; Ġw 16,32.
32Imma wara li nqum mill-mewt, immur il-Galilija qabilkom.”#Mt 28,7-16. 33Qabeż Pietru u qallu: “Jekk kulħadd jitħawwad minħabba fik, jiena ma nitħawwad qatt.” 34Qallu Ġesù: “Tassew, ngħidlek, li dal-lejl, qabel ma jidden is-serduk, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet.”#Mt 26,69-75; Mk 14,66-72; Lq 22,56-62; Ġw 18,25-27. 35Qallu Pietru: “Le, ma niċħdekx, anqas jekk ikolli mmut miegħek!” U d-dixxipli l-oħra wkoll, kulħadd qal l-istess.#Ġw 11,16.
Ġesù jitlob fil-Ġetsemani
(Mk 14,32-42; Lq 22,39-46; Ġw 18,1)
36Imbagħad Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu wasal f’qasam, jgħidulu l-Ġetsemani#26,36: Ġetsemani: bl-Aramajk tfisser magħsar taż-żejt jew żebbuġ., u qal lid-dixxipli: “Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm immur hemmhekk nitlob.”#Ġw 18,1. 37U ħa miegħu lil Pietru u ż-żewġ ulied ta’ Żebedew, u beda jsewwed qalbu u jiddejjaq.#Mk 14,33; Lq 8,51; 9,28. 38Imbagħad qalilhom: “Għandi ruħi mnikkta għall-mewt; ibqgħu hawn u ishru miegħi.”#Ġw 12,27. 39Mexa kemmxejn ’il quddiem, inxteħet wiċċu fl-art jitlob u jgħid: “Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi! Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int.”#Lhud 5,7-8. 40Ġie ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin; u qal lil Pietru: “Mela ma flaħtux tishru siegħa waħda miegħi? 41Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef.”#Mt 6,13; Lq 11,4. 42Għat-tieni darba raġa’ mar jitlob u qal: “Missieri, jekk dan il-kalċi ma jistax jgħaddi mingħajr ma nixorbu, tkun magħmula r-rieda tiegħek.”#Mt 6,10. 43Mill-ġdid ġie u sabhom reqdin, għax għajnejhom kienu tqal bin-ngħas. 44Ħalliehom, u raġa’ mar jitlob għat-tielet darba, u qal l-istess kliem.#2 Kor 12,8. 45Imbagħad ġie ħdejn id-dixxipli u qalilhom: “Issa se torqdu u tistrieħu? Ara, is-siegħa waslet, u Bin il-bniedem se jkun mogħti f’idejn il-midinbin.#Mt 17,22; Mk 9,31; 10,33; Lq 9,44; 24,7; Ġw 12,23. 46Qumu! Ejjew immorru! Araw, dak li se jittradini huwa fil-qrib!”#Ġw 14,31.
Ġesù ttradut u arrestat
(Mk 14,43-50; Lq 22,47-53; Ġw 18,2-11)
47Kif kien għadu jitkellem, ġie Ġuda, wieħed mit-Tnax, b’ġemgħa kbira ta’ nies miegħu, armati bis-sjuf u l-bsaten, mibgħuta mill-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu. 48Issa dak li kien se jittradih kien tahom sinjal u qalilhom: “Lil dak li nbus, dak hu: aqbduh.” 49U minnufih resaq fuq Ġesù u qallu: “Is-sliem għalik, Rabbi!” U biesu. 50U Ġesù qallu: “Ħabib, għalhekk ġejt int!” Huma resqu lejh, meddew idejhom fuq Ġesù u qabduh. 51Wieħed minn dawk li kienu ma’ Ġesù ħareġ idu u silet is-sejf, darab lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu. 52Imbagħad Ġesù qallu: “Erġa’ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered.#Ġen 9,6; Apk 13,10. 53Taħseb int li ma nistax nitlob lil Missieri u jibgħatli issa stess aktar minn tnax-il leġjun#26,53: Leġjun: diviżjoni ta’ 6,000 suldat fl-eżerċtu Ruman. Hawn tfisser qatgħa kbira ta’ anġli. ta’ anġli? 54Iżda mbagħad kif isseħħ l-Iskrittura li tgħid li hekk għandu jsir?” 55Fl-istess waqt Ġesù qal: “Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten biex taqbdu lili! Jien kuljum kont inkun bilqiegħda fit-tempju ngħallem, u ma żammejtunix.”#Lq 19,47; 21,37; Ġw 18,20. 56Iżda dan kollu ġara biex isseħħ il-kitba tal-profeti. Imbagħad id-dixxipli kollha telquh u ħarbu.#Żak 13,7; Mt 26,31; Ġw 16,32.
Ġesù quddiem il-kunsill tas-Sinedriju
(Mk 14,53-65; Lq 22,54-55.68-71; Ġw 18,13-14.19-24)
57Dawk li qabdu lil Ġesù ħaduh quddiem Kajfa, il-qassis il-kbir, fejn ġa kienu nġabru l-kittieba u x-xjuħ. 58Pietru kien baqa’ miexi warajh mill-bogħod sal-palazz tal-qassis il-kbir; daħal ġewwa u qagħad bilqiegħda mal-qaddejja biex jara kif kienet se tintemm il-biċċa. 59Il-qassisin il-kbar u s-Sinedriju kollha bdew ifittxu xhieda foloz kontra Ġesù bil-ħsieb li jagħtuh il-mewt, 60iżda għalkemm resqu bosta xhieda foloz, ma sabux fuqiex jixluh. Fl-aħħar resqu tnejn 61u qalu: “Dan qal, ‘Nista’ nħott it-tempju ta’ Alla u nerġa’ nibnih fi tlitt ijiem.’ ”#Mt 27,40; Ġw 2,19; Atti 6,14. 62Il-qassis il-kbir qam u qallu: “Xejn ma twieġeb? X’inhuma jixhdu dawn kontra tiegħek?” 63Imma Ġesù baqa’ sieket. Imbagħad il-qassis il-kbir qabad u qallu: “Aħlifli fuq Alla l-ħaj u għidilna jekk intix il-Messija, Bin Alla.”#Is 53,7; Mt 16,16-17; 27,12-14; Lq 23,9; Ġw 19,9. 64Qallu Ġesù: “Inti qiegħed tgħidu. U ngħidilkom ukoll:
Minn issa ’l quddiem għad taraw lil Bin il-bniedem
bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta’ dak li jista’ kollox
u ġej fuq is-sħab tas-sema.” # S 110,1; Dan 7,13; Mt 24,30.
65Imbagħad il-qassis il-kbir ċarrat ilbiesu#26,65: Ċarrat ilbiesu: dan kien isir biex wieħed juri l-korla u t-tkexkix tiegħu quddiem xi ħaġa ħażina bħal dagħwa. u qal: “Din dagħwa! Xi ħtieġa għandna iżjed ta’ xhieda? Ara, smajtuha issa d-dagħwa!#Lev 24,16; Ġw 19,7. 66X’jidhrilkom?” Huma weġbuh u qalu: “Ħaqqu l-mewt!” 67Imbagħad beżqulu f’wiċċu u tawh bil-ponn, u xi wħud tawh bil-ħarta#Is 50,6; 53,5. 68u qalulu: “Aqta’ min tahielek, Messija, din id-daqqa!”
Pietru jiċħad lil Ġesù
(Mk 14,67-72; Lq 22,56-62; Ġw 18,15-18.25-27)
69Intant Pietru kien hemm barra bilqiegħda, fil-bitħa tal-palazz. U resqet fuqu waħda qaddejja u qaltlu: “Int ukoll kont ma’ Ġesù tal-Galilija.” 70Imma hu ċaħad quddiem kulħadd u qal: “Anqas naf xi trid tgħid.” 71Imbagħad warrab lejn il-bieb, lemħitu qaddejja oħra u qalet lil dawk li kienu hemm: “Dan kien ma’ Ġesù ta’ Nazaret#26,71: Nazaret: it-test Grieg iġib Nazaraios, li tista’ tfisser jew wieħed minn Nazaret jew wieħed li għandu fuqu l-wegħda ta’ Nażri; ara Mħ 13,5..” 72U raġa’ ċaħad u ħalef: “Jien ma nafux lil dan il-bniedem!” 73Wara ftit dawk l-istess nies resqu lejn Pietru u qalulu: “Tassew, int ukoll wieħed minnhom, għax għandek il-kisra ta’ kliemek tikxfek.” 74Imbagħad qabad jisħet lilu nnifsu u jaħlef: “Le, ma nafux lil dan il-bniedem!” U minnufih is-serduk idden. 75U Pietru ftakar fil-kliem ta’ Ġesù meta qallu li ‘Qabel ma s-serduk jidden, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet.’ U ħareġ ’il barra jibki biki ta’ qsim il-qalb.#Mt 26,34; Mk 14,30; Lq 22,34; Ġw 13,38.

Currently Selected:

MATTEW 26: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in