YouVersion Logo
Search Icon

MATTEW 22

22
Kapitlu 22
Il-parabbola tal-festa tat-tieġ
(Lq 14,15-24)
1Ġesù raġa’ qabad ikellimhom bil-parabboli u qalilhom: 2“Is-Saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu. 3U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu. 4U reġa’ bagħat qaddejja oħra, u qalilhom, ‘Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġà maqtula u kollox lest; ejjew għall-festa.’ 5Iżda dawk ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu, 6u l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom.#Mt 21,35. 7Is-sultan inkorla ħafna, u bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt tagħhom. 8Imbagħad qal lill-qaddejja tiegħu, ‘Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta’ min jistedinhom għaliha. 9Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu.’ 10Dawk il-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu, ħżiena u tajba, u s-sala mtliet bin-nies għall-mejda. 11Mela jidħol is-sultan ħalli jara min kien hemm fuq il-mejda, u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ; 12u qallu, ‘Ħabib, dan kif dħalt hawn m’intix liebes għall-festa?’ Dak tbikkem. 13Imbagħad is-sultan qal lil dawk li kienu qegħdin iservu, ‘Orbtulu riġlejh u idejh u waddbuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien!’#Mt 8,12; 13,42-50; 24,51; 25,30; Lq 13,28. 14Għax ħafna huma l-imsejħin, imma ftit il-magħżulin!”
Ġesù mistoqsi dwar il-ħlas tat-taxxi
(Mk 12,18-27; Lq 20,20-40)
15Imbagħad il-Fariżej marru u bdew jiftiehmu bejniethom biex jaraw kif jonsbuh b’xi kelma.#Mk 3,6. 16U bagħtulu d-dixxipli tagħhom ma’ xi Erodjani u qalulu: “Mgħallem, aħna nafu li int raġel tħobb is-sewwa, u li t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi, bla ma tħabbel rasek minn ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares. 17Għidilna ħaġa, mela: ‘Int x’jidhirlek? Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?” 18Imma Ġesù għaraf il-ħażen ta’ moħħhom, u qalilhom: “Għaliex tridu ġġarrbuni, ja wċuħ b’oħra? 19Uruni l-munita tat-taxxa.” Urewh dinar, 20u Ġesù staqsiehom: “Ta’ min huma dan il-wiċċ u din il-kitba?” 21Qalulu: “Ta’ Ċesari!” Imbagħad qalilhom: “Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla.”#Rum 13,7. 22Meta semgħuh jgħid hekk baqgħu mistagħġba; imbagħad ħallewh u telqu.
Ġesù mistoqsi dwar il-qawmien mill-imwiet
(Mk 12,18-27; Lq 20,27-40)
23Dak inhar resqu lejh xi Sadduċej, li jgħidu li ma hemmx qawmien mill-imwiet, u staqsewh:#Atti 23,8. 24“Mgħallem, Mosè qal, ‘Jekk wieħed imut u ma jħallix ulied, l-armla tiegħu jkollu jiżżewwiġha ħuh, biex dan inissel ulied għal ħuh.’#Ġen 38,8; Dt 25,5. 25Kellna fostna sebat aħwa; il-kbir iżżewweġ, u miet bla tfal; għalhekk ħalla l-armla tiegħu għal ħuh. 26It-tieni wieħed ġralu l-istess, u t-tielet ukoll, u hekk sas-seba’ wieħed. 27Fl-aħħar, wara kulħadd, mietet il-mara. 28Issa din, fil-qawmien tal-imwiet, mart min minnhom is-sebgħa tkun? Għax ilkoll kienu ħaduha.” 29Weġibhom Ġesù: “Kemm sejrin żball, għax la tafu l-Iskrittura u lanqas il-qawwa ta’ Alla! 30Għax fil-qawmien tal-imwiet in-nies la jiżżewġu u lanqas iżewġu, imma jkunu bħall-anġli ta’ Alla fis-sema. 31Għal dak imbagħad li hu qawmien mill-imwiet, ma qrajtux x’kien qalilkom Alla, 32‘Jiena Alla ta’ Abraham, u Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb’? Hu mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin!”#Eż 3,6-16. 33U n-nies, meta semgħu dan, baqgħu mistagħġba ħafna bit-tagħlim tiegħu.#Mt 7,28; 13,54; Mk 11,18.
Il-kmandament il-kbir
(Mk 12,28-34; Lq 10,25-28)
34Il-Fariżej, meta semgħu kif lis-Sadduċej kien saddilhom ħalqhom, inġabru madwaru, 35u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija biex iġarrbu: 36“Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir, fil-Liġi?” 37Qallu Ġesù: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.’#Dt 6,5; Ġoż 22,5. 38Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. 39U it-tieni jixbhu: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.’#Lev 19,18; Mt 5,43; 19,19; Rum 13,9; Gal 5,14; Ġak 2,8. 40Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti.”#Mt 7,12; Rum 13,10.
Mistoqsija dwar bin David
(Mk 12,35-37; Lq 20,41-44)
41Kif kellu l-Fariżej miġbura madwaru, Ġesù staqsiehom: 42“Intom x’jidhrilkom dwar il-Messija? Bin min hu?” “Bin David,” qalulu.#Ġw 7,42. 43Qalilhom: ‘Mela din kif inhi li David, imnebbaħ mill-Ispirtu, isejjaħlu Sidu u jgħid,#2 Sam 23,2.
44 ‘Il-Mulej qal lil Sidi:
Oqgħod fuq il-lemin tiegħi,
sa ma nkun qegħedt l-għedewwa tiegħek
taħt riġlejk’? # S 110,1; Atti 2,34-35; 1 Kor 15,25; Lhud 1,13.
45Jekk David isejjaħlu Sidu, kif inhu ibnu?” 46U ħadd minnhom ma kellu l-ħila jwieġeb, u minn dak inhar ’il quddiem ħadd iżjed ma ssogra jagħmillu mistoqsija oħra.#Mk 12,34; Lq 20,40.

Currently Selected:

MATTEW 22: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in