MATTEW 13
MB20

MATTEW 13

13
Kapitlu 13
Il-parabboli
(Mk 4,1-2; Lq 8,4)
1Dak inhar Ġesù ħareġ mid-dar#13,1: Ħareġ mid-dar: din kienet id-dar ta’ Xmun Pietru f’Kafarnahum fuq ix-xatt tal-għadira tal-Galilija; ara Mt 1,29; 2,1., mar f’xatt il-baħar#13,1: F’xatt il-baħar: l-għadira l-kbira tal-Galilija. u qagħad bilqiegħda hemm.#Lq 5,1-3. 2U nġabru madwaru folol hekk kbar ta’ nies li kellu jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies qagħdu lkoll wieqfa fuq ix-xatt, 3u hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli.
Il-parabbola taż-żerriegħ
(Mk 4,3-9; Lq 8,5-8)
U qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. 4Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. 5Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; 6iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. 7Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. 8Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin. 9Min għandu widnejn, ħa jisma’!”#Mt 11,15; 13,43; Lq 14,35.
L-iskop tal-parabboli
(Mk 4,10-12.25; Lq 8,9-10)
10Resqu lejh id-dixxipli u staqsewh: “Għaliex tkellimhom bil-parabboli?” 11Hu weġibhom: “Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet; iżda lilhom dan ma kienx mogħti.#1 Kor 4,1; Ef 3,3-4; Kol 2,2; 4,3. 12Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu.#Mt 25,29; Mk 4,25; Lq 8,18; 19,26. 13Jien għalhekk inkellimhom bil-parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux. 14U hekk isseħħ fihom il-profezija ta’ Isaija li tgħid,
‘Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux,
u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx. # Is 6,9-10; Ġw 12,40.
15 Għax il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset:
kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom,
u għalqu għajnejhom
li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom,
u jisimgħu b’widnejhom
u jifhmu b’moħħhom,
u hekk ibiddlu ħajjiethom
u jiena nfejjaqhom.’
16“Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu.#Lq 10,23-24. 17Tassew, ngħidilkom, li bosta profeti u nies ġusti xtaqu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx!
Ġesù jfisser il-parabbola taż-żerriegħ
(Mk 4,13-20; Lq 8,11-15)
18“Mela isimgħuha intom il-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’. 19Kull min jisma’ l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex, jersaq il-Ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera’ f’qalbu: dan huwa dak li nżera’ mal-mogħdija. 20Dak li nżera’ f’art kollha blat huwa dak li jisma’ l-kelma u jilqagħha minnufih bil-ferħ; 21imma għeruq ma jkollux fih innifsu, u għalhekk ftit idum; imbagħad jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-kelma, u malajr jitfixkel. 22Dak li nżera’ qalb ix-xewk huwa dak li jisma’ l-kelma iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art joħonqulu l-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott.#Lq 12,16-21; 1 Tim 6,9-17. 23Dak imbagħad li nżera’ f’art tajba huwa dak li jisma’ l-kelma u jifhimha; u tassew hu jagħmel il-frott; dan jagħmel mija, dak sittin, u l-ieħor tletin.”
Il-parabbola tas-sikrana
24Ġabilhom parabbola oħra u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. 25Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. 26Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. 27Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu, ‘Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?’ 28Iżda hu qalilhom, ‘Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi.’ ‘Tridx immorru niġbruha?’ qalulu l-qaddejja. 29‘Le,’ qalilhom, ‘għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. 30Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: ‘Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi.’ ”#Mt 3,12.
Il-parabbola taż-żerriegħa tal-mustarda
(Mk 4,30-32; Lq 13,18-19)
31Ġabilhom parabbola oħra u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad u żeragħha fl-għalqa tiegħu.#Lq 17,6. 32Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha, iżda meta tikber, tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk li l-għasafar tal-ajru jiġu jbejtu fil-friegħi tagħha.”#S 104,12; Eżek 17,23; 31,6; Dan 4,9-18.
Il-parabbola tal-ħmira
(Lq 13,20-21)
33Qalilhom parabbola oħra: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil ftit ħmira li waħda mara tkun qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sa ma tkun għoliet l-għaġna kollha.”#Lq 13,20-21; 1 Kor 5,6; Gal 5,9.
L-użu tal-parabboli
(Mk 4,33-34)
34Dan kollu Ġesù qalu bil-parabboli lin-nies, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom, 35biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal:
‘Niftaħ fommi bil-parabboli,
nitkellem fuq ħwejjeġ
moħbija sa mit-twaqqif tad-dinja.’ # S 78,2.
Ġesù jfisser il-parabbola tas-sikrana
36Imbagħad ħalla n-nies u mar id-dar. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu u qalulu: “Fissirhielna l-parabbola tas-sikrana fl-għalqa.”#Mt 15,15; Mk 4,10; 7,17; Lq 8,9. 37U weġibhom: “Dak li jiżra’ ż-żerriegħa t-tajba huwa Bin il-bniedem. 38L-għalqa hija d-dinja; iż-żerriegħa t-tajba huma wlied is-Saltna; is-sikrana huma wlied il-Ħażin,#Ġw 8,44; 1 Ġw 3,10. 39u l-għadu li żeragħha huwa x-Xitan. Il-ħsad ifisser tmiem id-dinja, u l-ħassada l-anġli. 40Mela bħalma s-sikrana jiġbruha u jaħarquha fin-nar, hekk isir fi tmiem id-dinja. 41Bin il-bniedem jibgħat l-anġli tiegħu, u huma jiġbru barra mis-Saltna tiegħu kulma jġib it-tfixkil u kull min jagħmel il-ħażen,#Sof 1,3. 42u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.#Mt 8,12; 13,50; 22,13; 24,51; 25,30; Lq 13,28. 43Imbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierhom. Min għandu widnejn, ħa jisma’!#Dan 12,3; Mt 11,15; 13,9; Lq 14,35.
Il-parabbola tat-teżor moħbi
44“Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kulma jkollu u jixtri dik l-għalqa.#Prov 2,4.
Il-parabbola tal-ġawhra
45“Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; 46meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kulma kellu u xtara lilha.
Il-parabbola tax-xibka
47“Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox. 48Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin. 49Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti, 50u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.#Mt 8,12; 13,42; 22,13; 24,51; 25,30; Lq 13,28.
Il-qadim u l-ġdid
51“Kollu fhimtuh dan?” “Iva,” qalulu. 52U hu qalilhom: “Għalhekk kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim.”
In-nies ta’ Nazaret ma jilqgħux lil Ġesù
(Mk 6,1-6; Lq 4,16-30)
53Meta mbagħad Ġesù temm dawn il-parabboli, telaq minn hemm#Mt 7,28; 11,1; 19,1; 26,1. 54u mar lejn pajjiżu#13,54: Pajjiżu: Nazaret; ara 2,23; Lq 4,16-24.. Beda jgħallem lin-nies fis-sinagoga tagħhom, u huma baqgħu mistagħġba hekk li bdew jgħidu: “Mnejn ġieb dan l-għerf u din il-qawwa tal-għaġeb?#Ġw 7,15. 55Dan mhuwiex bin il-mastrudaxxa? Ommu mhijiex dik li jisimha Marija, u ħutu#13,55: Ħutu: ara nota 12,46. Ġakbu u Ġużeppi u Xmun u Ġuda?#Mt 12,46; Lq 3,23; Ġw 6,42. 56U ħutu l-bniet mhumiex kollha magħna? Mnejn ġieh dan kollu?” 57U tfixklu minħabba fih. Imma Ġesù qalilhom: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u daru stess.”#Mt 11,6; 26,31; Ġw 4,44. 58U hemmhekk ma għamilx ħafna mirakli minħabba n-nuqqas ta’ fidi tagħhom.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.


Learn more about IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA