LUQA 7
7
Kapitlu 7
Ġesù jfejjaq qaddej ta’ ċenturjun
(Mt 8,5-13; Ġw 4,46-54)
1Meta spiċċa jgħid lin-nies kulma kellu jgħidilhom, daħal Kafarnahum. 2U jkun hemm ċenturjun#7,2: Ċenturjun: ara nota Mk 15,39. li kellu qaddej għażiż ħafna għalih, li kien marid u wasal fl-aħħar.#Ġw 4,47. 3Iċ-ċenturjun sama’ b’Ġesù u bagħatlu xi wħud mix-xjuħ tal-Lhud biex jitolbuh jiġi jfejjaqlu l-qaddej. 4Dawk marru quddiem Ġesù u bdew jitolbuh b’ħerqa kbira u jgħidulu: “Jixraqlu li tagħmillu dan, 5għax hu jgħożż il-ġens tagħna, u kien hu li bnielna s-sinagoga.” 6Ġesù mar magħhom, u ma kienx ’il bogħod wisq mid-dar meta ċ-ċenturjun bagħat jgħidlu ma’ xi ħbieb: “Sinjur, toqgħodx tinqala’, għax jien ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi; 7għalhekk ħassejt li anqas kien jistħoqqli niġi nsibek jiena stess. Iżda int ordna b’kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq. 8Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor, u jiena stess għandi suldati taħt il-kmand tiegħi; lil wieħed ngħidlu, ‘Mur,’ u jmur; lil ieħor ngħidlu, ‘Ejja,’ u jiġi; u lill-qaddej ngħidlu, ‘Agħmel dan,’ u jagħmlu.” 9Ġesù baqa’ mistagħġeb bih meta sama’ dan; dar lejn in-nies li kienu miexja warajh u qalilhom: “Ngħidilkom li anqas f’Iżrael ma sibt fidi bħal din!” 10Meta mbagħad dawk li kienu mibgħuta reġgħu lura d-dar, sabu l-qaddej qawwi u sħiħ.
Ġesù jqajjem lil bin l-armla ta’ Najn mill-mewt
11Wara dan imbagħad mar f’belt jisimha Najn#7,11: Najn: belt żgħira fix-xlokk tal-Galilija., u marru miegħu d-dixxipli tiegħu u kotra kbira ta’ nies. 12Kif wasal qrib il-bieb tal-belt, kienu qegħdin iġorru wieħed mejjet li ommu, mara armla, ma kellhiex ħliefu; u magħha kien hemm għadd ġmielu ta’ nies mill-belt.#1 Slat 17,17; Lq 8,42. 13Kif raha l-Mulej tħassarha. “Tibkix,” qalilha.#Lq 8,52. 14Resaq, u mess it-tebut. Dawk li kienu qegħdin jerfgħuh waqfu. U hu qal: “Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!”#Lq 8,55. 15U l-mejjet qam bilqiegħda u beda jitkellem. U Ġesù tah lil ommu.#1 Slat 17,23; 2 Slat 4,36. 16In-nies kollha tkexkxu bil-biża’, u bdew jagħtu glorja lil Alla u jgħidu: “Profeta kbir qam fostna,” u, “Alla żar il-poplu tiegħu.”#Lq 1,68; 19,44. 17U dan il-kliem li qalu xtered mal-Lhudija u dawk l-inħawi kollha.
Il-messaġġiera ta’ Ġwanni l-Battista
(Mt 11,2-19)
18Id-dixxipli ta’ Ġwanni#7,18: Ġwanni: il-Battista. marru jwasslulu dan kollu. Hu sejjaħ tnejn minnhom maġenbu, 19u bagħathom għand il-Mulej#7,19: Il-Mulej: Ġesù Kristu; ara nota 5,17. biex jistaqsuh: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”#S 40,7; Mal 3,1; Apk 1,4-8; 4,8. 20Kif dawk it-tnejn waslu ħdejh qalulu: “Ġwanni l-Battista bagħatna għandek biex nistaqsuk: Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” 21Dak il-ħin stess Ġesù fejjaq ħafna nies mill-mard, mit-tbatijiet u mill-ispirti ħżiena, u lil bosta għomja għoġbu jagħtihom id-dawl. 22Imbagħad wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li rajtu u smajtu; kif l-għomja qegħdin jerġgħu jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, u kif il-bxara t-tajba qiegħda tixxandar lill-fqar.#Is 35,5; 61,1; Lq 4,18. 23Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!”
24Xħin il-messaġġiera ta’ Ġwanni telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? 25Imma intom xi ħriġtu taraw? Raġel liebes l-ilbies fin? Dawk li jilbsu sabiħ, u jgħixu fit-tlellix, fil-palazzi tas-slaten issibhom! 26Mela għalfejn ħriġtu? Biex taraw profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta.#Lq 1,70. 27Dan hu li fuqu hemm miktub,
‘Ara, jiena nibgħat qablek il-messaġġier
tiegħi biex iħejjilek it-triq quddiemek.’ #
Eż 23,20; Mal 3,1.
28Ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ma hemm ħadd akbar minn Ġwanni. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna ta’ Alla hu akbar minnu.”#Lq 1,15. 29Meta semgħu dan, il-poplu kollu u sa l-istess pubblikani għarfu l-ġustizzja ta’ Alla, billi tgħammdu bil-magħmudija ta’ Ġwanni.#Mt 21,32; Lq 3,7-12. 30Imma l-Fariżej u l-għorrief tal-Liġi ġiebu fix-xejn il-pjan li Alla kien fassal għalihom#7,30: Il-pjan li Alla kien fassal għalihom: jew min-naħa tagħhom ġiebu fix-xejn il-pjan li Alla kien fassal., ladarba ma laqgħux il-magħmudija ta’ Ġwanni.
31“Ma’ min, mela, se nxebbahhom in-nies ta’ dan iż-żmien? Lil min jixbhu? 32Jixbhu lil qabda tfal bilqiegħda fil-pjazza, jgħajtu lil xulxin u jgħidu,
‘Daqqejnielkom il-flawt
u ma żfintux,
għannejnielkom għanja ta’ niket
u ma ħabbattux fuq sidirkom!’
33Għax tassew, ġie Ġwanni l-Battista, la jiekol ħobż u lanqas jixrob inbid, u intom tgħidu li ‘għandu fih xitan’. 34Ġie Bin il-bniedem, jiekol u jixrob, u tgħidu, ‘Araw, xi bniedem wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin!’#Lq 15,2. 35Imma l-ulied ta’ Alla kollha taw raġun lill-għerf tiegħu#7,35: Imma l-ulied ta’ Alla kollha taw raġun lill-għerf tiegħu: litteralment: L-Għerf ħa raġun (jew kien iġġustifikat) mingħand uliedu stess. L-espressjoni semitika bin jew wild xi ħaġa jew xi ħadd tfisser relazzjoni mill-qrib bejniethom, ngħidu aħna, ulied id-dawl, nies li jfittxu jew għandhom id-dawl, 16,8; ulied is-saltna, membri tas-saltna; ara nota Mt 8,12..”
Ġesù għand Xmun il-Fariżew
36Wieħed mill-Fariżej stieden lil Ġesù biex jiekol miegħu; Ġesù daħal għand il-Fariżew u qagħad għall-ikel.#Lq 11,37. 37Issa fil-belt kien hemm midinba magħrufa. Din saret taf li kien qiegħed għall-ikel fid-dar tal-Fariżew; ġiebet vażett tal-alabastru biż-żejt ifuħ#7,37: Żejt ifuħ: ara nota Mk 14,3.;#Mt 26,7; Mk 14,3. #Ġw 12,3. 38u marret qagħdet warajh#7,38: Marret qagħdet warajh: skont id-drawwa ta’ żmienu, Ġesù kien mimdud fuq ġenbu, wiċċu lejn il-mejda. ħdejn riġlejh, tibki u xxarrablu riġlejh bi dmugħha u tixxuttahomlu b’xuxitha; imbagħad bisitlu riġlejh u dilkithomlu biż-żejt ifuħ. 39Kif ra hekk il-Fariżew li stiednu qal bejnu u bejn ruħu: “Dan, li kien profeta, kien ikun jaf min hi u x’mara hi din li qiegħda tmissu; kien ikun jaf, għax hi midinba!” 40Imma Ġesù qabad u qallu: “Xmun, għandi ħaġa xi ngħidlek.” “Għid, mgħallem,” qallu dak. 41“Tnejn min-nies kellhom id-dejn ma’ wieħed li jislef il-flus; wieħed kellu jagħtih ħames mitt dinar u l-ieħor ħamsin. 42Minn fejn iħallsu dejnhom ma kellhomx, u hu ħafrilhom it-tnejn. Min minnhom se jħobbu l-iżjed?” 43Wieġeb Xmun u qal: “Jidhirli jien li dak li ħafirlu l-iżjed.” “Ħsibtha tajjeb,” qallu Ġesù. 44Imbagħad dar lejn il-mara u qal lil Xmun: “Qiegħed taraha lil din il-mara? Dħalt għandek, u ilma għal riġlejja ma tajtnix#7,44: Ilma għal riġlejja ma tajtnix: il-ħasil tar-riġlejn kien kumpliment lill-mistednin li jkunu ġejjin mit-triq kollhom trab; ara Ġen 18,4; 19,2., iżda hi riġlejja xarrbithomli bi dmugħha u xxuttathomli b’xuxitha.#Ġen 18,4. 45Bewsa ma tajtnix, iżda hi minn xħin daħlet ma waqfitx tbusli riġlejja.#Rum 16,16; 1 Kor 16,20; 2 Kor 13,12; 1 Tess 5,26; 1 Pt 5,14. 46Rasi ma dlikthilix biż-żejt, imma hi dilkitli riġlejja b’żejt ifuħ.#S 23,5. 47Għalhekk ngħidlek li dnubietha, li kienu ħafna, inħafrulha, għax ħabbet ħafna; imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb.” 48Imbagħad qal lilha: “Dnubietek maħfura.”#Lq 5,20-21. 49Dawk li kienu fuq il-mejda miegħu bdew jgħidu fihom infushom: “Dan min hu biex jaħfer id-dnubiet ukoll?” 50Iżda hu qal lill-mara: “Il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliem.”#Lq 8,48; 17,19; 18,42.
Currently Selected:
LUQA 7: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.