LUQA 6
6
Kapitlu 6
Id-dixxipli jaqtgħu s-sbul is-Sibt
(Mt 12,1-8; Mk 2,23-28)
1Ġara li darba s-Sibt kien għaddej minn għalqa miżrugħa, u d-dixxipli tiegħu bdew jaqtgħu s-sbul, ifarrkuh b’idejhom u jikluh.#Dt 23,25. 2Xi wħud mill-Fariżej qalulhom: “Dan kif qegħdin tagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta’ Sibt?” 3Qabeż Ġesù u weġibhom: “Anqas dan ma qrajtu, x’għamel David meta ħadu l-ġuħ, huwa u dawk li kienu miegħu?#Ġw 5,10. #1 Sam 21,1-6. 4Ma qrajtux kif daħal fid-dar ta’ Alla u ħa l-ħobż tal-preżenza#6,4: Il-ħobż tal-preżenza: ara nota Mk 2,26. ta’ quddiem il-Mulej, u kiel minnu hu u ta lil dawk li kienu miegħu? U madankollu ħadd ma kien jista’ jiekol minnu ħlief il-qassisin biss!”#Lev 24,5-9. 5U qalilhom: “Bin il-bniedem huwa sid is-Sibt ukoll.”
Ir-raġel b’idu niexfa
(Mt 12,9-14; Mk 3,1-6)
6F’Sibt ieħor daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. Kien hemm raġel li kellu idu l-leminija niexfa. 7Il-kittieba u l-Fariżej kienu moħħhom fih biex jaraw jekk ifejjaqx f’jum is-Sibt, ħalli b’hekk isibu fuqiex jixluh.#Lq 14,1. 8Iżda hu għaraf ħsibijiethom, u qal lir-raġel li kellu idu niexfa: “Qum, u oħroġ fin-nofs.” Dak qam u ħareġ fin-nofs.#Lq 5,22; 9,47. 9U qalilhom Ġesù: “Ħa nistaqsikom ħaġa: X’jiswa nhar ta’ Sibt, tagħmel il-ġid jew tagħmel id-deni? Issalva ħajja jew teqridha?” 10U xeħet ħarsa madwaru fuqhom ilkoll, u qal lir-raġel: “Midd idek.” Hekk għamel dak, u idu reġgħet saritlu qawwija u sħiħa. 11Iżda huma xegħlu bil-korla, u bdew jiddiskutu bejniethom x’se jagħmlu b’Ġesù.
Ġesù jagħżel it-Tnax
(Mt 10,1-4; Mk 3,13-19)
12Mela darba fost l-oħrajn ħareġ lejn l-għoljiet biex jitlob, u għadda l-lejl fit-talb lil Alla. 13Meta sebaħ, sejjaħ lejh id-dixxipli tiegħu u minnhom għażel tnax, li semmiehom appostli:#Ġw 6,70. 14Xmun, li semmieh Pietru, u ħuh Indrì, Ġakbu, Ġwanni, Filippu, Bartilmew,#Atti 1,13. 15Mattew, Tumas, Ġakbu ta’ Alfew, Xmun l-Imħeġġeġ, 16Ġuda ta’ Ġakbu u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.
Ġesù jgħin u jaqdi folol kbar
(Mt 4,23-25; Mk 3,7-12)
17Imbagħad niżel magħhom u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull naħa tal-Lhudija#6,17: Kull naħa tal-Lhudija: jiġifieri l-Palestina kollha; ara 1,5. u Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon. 18Dawn kienu marru biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard tagħhom. Min kien imħabbat mill-ispirti mniġġsa kien ifiq; 19u l-kotra kienet tfittex li tmissu, għax minnu kienet toħroġ qawwa li tfejjaq lil kulħadd.
Hena veru u hena qarrieq
(Mt 5,1-12)
20Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal:
“Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla.
21Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin.
Henjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew.#S 126,5-6; Is 61,3; Ġer 31,25; Apk 7,16-17.
22Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina.#Ġw 15,19; 16,2; 1 Pt 4,14. 23Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.#2 Kron 36,16; Mt 23,30-31; Lq 11,47.
24Imma ħażin għalikom, intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh.#Ġak 5,1.
25Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ. Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewħu u tibku.
26Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!#Ġak 4,4.
L-imħabba tal-għedewwa
(Mt 5,38-48; 7,12a)
27“Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: “Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom,#Prov 25,21; Rum 12,20. 28bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom.#Rum 12,14. 29Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu.#Ġw 18,22-23; Atti 23,3. 30Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura. 31Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom.#Mt 7,12. 32Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. 33U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. 34U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista’ jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom. 35Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena.#Lev 25,35-36. 36Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.
Tiġġudikawx
(Mt 7,1-5)
37“Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati#6,37: Ma tkunux iġġudikati: Alla ma jiġġudikakomx; ara nota Mt 7,1.; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra;#Mt 6,14. 38agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżeż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom.”#Mk 4,24. 39Qalilhom parabbola: “Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra?#Mt 15,14; 23,16.24. 40Id-dixxiplu m’huwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu.#Mt 10,24-25; Ġw 13,16; 15,20. 41Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? 42Kif tista’ tgħidlu lil ħuk, ‘Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek’, meta m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek int? Ja wiċċ b’ieħor, neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk.
Is-siġra tingħaraf mill-frott
(Mt 7,16-20; 12,34b-35)
43“Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. 44Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq.#Mt 12,33. 45Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.
Sisien tajba u sisien ħżiena
(Mt 7,24-27)
46“Għaliex issejħuli, ‘Mulej,’ u mbagħad ma tagħmlux dak li ngħid jien?#Mt 7,21. 47Kull min jiġi għandi u jisma’ kliemi u jagħmel dak li ngħid jien, ħa ngħidilkom lil min jixbah. 48Jixbah lil wieħed li ried jibni dar, ħaffer fil-fond sa ma sab il-blat, u fuqu qiegħed is-sisien. Imbagħad għamlet xita bil-qliel, il-wied niżel b’qawwa kbira għal fuq dik id-dar, imma ma setax jheżiżha, għax kienet mibnija tajjeb. 49Iżda min jisma’ kliemi u ma jagħmilx li ngħid jien, jixbah lil wieħed li jkun bena daru fuq l-art mingħajr ma qiegħed sisien. Il-wied niżel b’qawwa kbira għal fuqha u minnufih iġġarrfet, u saret ħerba kbira minn dik id-dar!”
Currently Selected:
LUQA 6: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.