YouVersion Logo
Search Icon

LUQA 15

15
Kapitlu 15
Il-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa
(Mt 18,12-14)
1Il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom biex jisimgħuh. 2U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!#15,2: Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!: ara nota Mt 9,11.#Lq 5,30. 3U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: 4“Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha?#Eżek 34,11-16; Lq 19,10. 5U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh, 6imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom, ‘Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli.’ 7Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema.
Il-parabbola tad-drakma l-mitlufa
8“Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet#15,8: Drakmiet: drakma kienet munita Griega tal-fidda tiswa daqs dinar Ruman li kien il-paga ta’ jum għal ħaddiem. u titlef waħda minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa’ tfittex bil-għaqal sa ma ssibha! 9U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom, ‘Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet intilfitli.’ 10Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem.”
Il-parabbola tal-iben il-ħali
11Qalilhom ukoll: “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. 12Iż-żgħir qal lil missieru, ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.’ U dak qassmilhom il-ġid. 13Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra.#Prov 29,3. 14Meta ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. 15U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer#15,15: Jirgħa l-ħnieżer: ara Mk 5,11.. 16Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih. 17Imbagħad daħal fih innifsu u qal, ‘Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! 18Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, ‘Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek;#S 51,4. 19ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek.’ 20Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu.#Tob 11,9. 21‘Missier,’ qallu ibnu, ‘dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.’ 22Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu, ‘Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett#15,22: Libbsulu ċ-ċurkett…: ara Ġen 41,42; Est 8,2. Iċ-ċurkett hu sinjal ta’ awtorità; is-sandli sinjal tal-bniedem ħieles, għax l-ilsir joqgħod ħafi. f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! 23Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, 24għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’ U bdew jagħmlu festa.#Ef 2,1-5; 5,14.
25“Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. 26Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. 27‘Hawn ħuk,’ qallu dak, ‘u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ.’ 28Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. 29‘Ara,’ qal lil missieru, ‘ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! 30Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!’ 31‘Ibni,’ qallu missieru, ‘inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek.#Ġw 17,10. 32Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab.’ ”

Currently Selected:

LUQA 15: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in