LUQA 13
13
Kapitlu 13
Jekk ma tindmux, tintilfu
1Dak il-ħin stess ġew xi wħud u qalulu b’dawk il-Galilin li Pilatu#13,1: Pilatu: ara nota Mt 27,2. kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom.#Atti 5,37. 2U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu?#Ġw 9,2. 3Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom.#S 7,12. 4Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm! 5Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda.”#S 7,12.
Is-siġra tat-tin bla frott
6U qalilhom din il-parabbola: “Wieħed kellu siġra tat-tin imħawla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx.#Ħab 3,17; Mt 21,19; Mk 11,13. 7Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa, ‘Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha, għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art? 8Iżda dak wieġbu, ‘Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel.#2 Pt 3,9-15. 9Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha.’ ”
Il-mara mifluġa mfejqa f’jum is-Sibt
10Darba s-Sibt kien qiegħed jgħallem f’waħda mis-sinagogi. 11U kien hemm mara li kienet ilha tmintax-il sena bi spirtu li kien imarradha; kienet milwija ħafna, u ma kinitx tista’ tieqaf dritta għalkollox#13,11: Ma kinitx tista’ tieqaf dritta għalkollox: oħrajn jittraduċu: ma kienet tieqaf dritta b’ebda mod.. 12Kif raha Ġesù sejħilha u qalilha: “Mara, inti meħlusa mill-mard tiegħek.” 13U qegħdilha idejh fuqha, u minnufih waqfet dritta u bdiet tfaħħar lil Alla. 14Qabeż il-kap tas-sinagoga, b’saħna fuqu għax Ġesù fejjaq f’jum is-Sibt, u qal lin-nies: “Hemm sitt ijiem li fihom wieħed għandu jaħdem; mela fihom ejjew biex titfejqu, u mhux is-Sibt!”#Eż 20,9-10; Dt 5,13-14; Mt 12,10; Mk 3,2; Lq 6,7; Ġw 5,16; 7,23; 9,14-16. 15“Uċuħ b’oħra!” wieġbu l-Mulej, “Mhux kull wieħed minnkom f’jum is-Sibt iħoll il-barri jew il-ħmar tiegħu mill-maxtura u jieħdu biex jisqih?#Lq 14,5. 16U mela għax illum is-Sibt, din il-mara, bint Abraham, ma kellhiex tinħall mill-irbit li fih ix-Xitan ilu jżommha għal tmintax-il sena sħaħ?”#Lq 19,9. 17Kif qal hekk, kull min kien kontra tiegħu regħex bil-mistħija; iżda n-nies ilkoll ferħu għal dawk l-għeġubijiet kollha li kien qiegħed jagħmel.
Il-parabbola tal-mustarda u tal-ħmira
(Mt 13,31-33; Mk 4,30-32)
18Mela qal: “Lil xiex tixbah is-Saltna ta’ Alla, u ma’ xiex se nxebbhuha? 19Tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel qabad u żeragħha fil-ġnien tiegħu, u mbagħad kibret u saret siġra, u l-għasafar tal-ajru marru jbejtu fil-friegħi tagħha.”#Eżek 17,23; 31,6; Dan 4,9-18.
20U reġa’ qalilhom: “Ma’ xiex se nxebbahha s-Saltna ta’ Alla? 21Tixbah lil ftit ħmira li waħda mara qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sakemm għoliet l-għaġna kollha.”
Il-bieb id-dejjaq
(Mt 7,13-14.21-23)
22Huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, għadda jgħallem f’xi bliet u rħula. 23U kien hemm wieħed qallu: “Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?” U huwa weġibhom: 24“Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx.#Mk 10,25; 1 Tim 6,12. 25Għax meta sid id-dar ikun qam jagħlaq il-bieb, intom tibqgħu barra, u tibdew tħabbtu l-bieb u tgħidu, ‘Mulej, iftħilna.’ Iżda hu jweġibkom u jgħid, ‘Ma nafx mnejn intom.’#Mt 25,10-12. 26Imbagħad taqbdu tgħidulu, ‘Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna.’ 27Hu jwieġeb u jgħidilkom, ‘Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li mhux sewwa!’#S 6,8. 28Hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien, meta taraw lil Abraham u lil Iżakk u lil Ġakobb u l-profeti kollha fis-Saltna ta’ Alla, u intom imkeċċija ’l barra.#Mt 8,11-12. 29U jiġu nies mil-Lvant u mill-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla.#S 107,3; Lq 14,15. 30U araw, hawn min hu tal-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu tal-ewwel u għad ikun l-aħħar.”#Mt 19,30; 20,16; Mk 10,31.
Ġesù jitħassar lil Ġerusalemm
(Mt 23,37-39; Lq 19,41-44)
31Dak il-ħin stess resqu fuqu xi Fariżej u qalulu: “Mur, itlaq minn hawn, għax Erodi jrid joqtlok.” 32U hu qalilhom: “Morru għidulu lil dak il-volpi, ‘Ara, jiena nkeċċi x-xjaten u nfejjaq il-mard illum u għada, u fit-tielet jum nasal fit-tmiem tiegħi. 33Madankollu llum u għada u pitgħada jeħtieġli nissokta t-triq tiegħi, għax ma għandux ikun li profeta jinqered barra minn Ġerusalemm. 34Ġerusalemm! Ġerusalemm! Int li toqtol il-profeti u tħaġġar il-messaġġiera li jibgħatlek Alla; kemm ridt niġbor lil uliedek bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles tagħha taħt ġwenħajha, u int ma ridtx! 35Ara, darkom għad iħalluhielkom ħerba! U ngħidilkom, li m’intomx se terġgħu tarawni sa dakinhar li tgħidu, ‘Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!’ ”#S 118,26.
Currently Selected:
LUQA 13: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.