YouVersion Logo
Search Icon

LUQA 1

1
Kapitlu 1
Dedika lil Teofilu
1Bosta kienu dawk li ħadu f’idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f’rakkont wieħed il-ġrajja li seħħew fostna, 2kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b’għajnejhom stess u saru ministri tal-kelma.#Ġw 15,27. 3Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu#1,3: Teofilu: dan Teofilu ma nafux sew min kien., wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kulma ġara sa mill-bidu nett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b’ħaġa,#Atti 1,1. 4biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kulma tgħallimt.
It-taħbira tat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista
5Fi żmien Erodi, sultan tal-Lhudija, kien hemm qassis jismu Żakkarija, mit-taqsima ta’ Abija; martu, li kien jisimha Eliżabetta, kienet minn ulied Aron#1,5: Aron: ħu Mosè, l-antenat tal-familja tal-qassisin il-kbar..#1 Kron 24,10. 6It-tnejn kienu nies ġusti quddiem Alla u jimxu bla nuqqas ta’ xejn skont il-preċetti u l-kmandamenti kollha tal-Mulej. 7Ulied ma kellhomx, għax Eliżabetta ma setax ikollha, u t-tnejn kienu mdaħħlin fiż-żmien.#1 Sam 1,5-6.
8Mela ġara li Żakkarija kien qiegħed jaqdi dmiru ta’ qassis quddiem Alla, għax kien imissha t-taqsima tiegħu, 9u, skont id-drawwa tal-liturġija, intgħażel hu bix-xorti biex jidħol ġewwa fis-santwarju tal-Mulej ħalli jaħraq l-inċens.#Eż 30,7. 10Waqt ir-rit tal-inċens, il-kotra kollha tal-poplu kienet qiegħda titlob barra.
11U deherlu anġlu tal-Mulej, wieqaf in-naħa tal-lemin tal-artal tal-inċens. 12Żakkarija, malli rah, tħawwad u waqa’ biża’ fuqu. 13Imma l-anġlu qallu: “Tibżax, Żakkarija, għax it-talba tiegħek instemgħet: martek Eliżabetta se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni. 14Din tkun għalik ħaġa li tqanqlek bil-ferħ u thennik ħafna, u jkun hemm bosta li jifirħu bit-twelid tat-tifel. 15Għax hu jkun kbir quddiem il-Mulej; ma jkun jixrob ebda inbid jew xorb qawwi, u jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu.#Num 6,3; 13,4; Lq 1,41; Ġer 1,5. 16Huwa jreġġa’ lil ħafna minn ulied Iżrael lejn il-Mulej Alla tagħhom, 17u hu ġej qabel il-Mulej, mimli bl-ispirtu u l-qawwa ta’ Elija, biex iraġġa’ l-qlub tal-missirijiet lejn uliedhom, u lil dawk li ma jridux jobdu jreġġagħhom għall-għaqal tal-ġusti, ħalli jlesti poplu mħejji sewwa għall-Mulej.”#Mal 3,1; Sir 48,10; Mt 17,11-13. 18Imma Żakkarija qal lill-anġlu: “Kif inkun żgur minn dan? Għax jiena raġel xiħ, u marti mdaħħla fiż-żmien!”#Ġen 18,1. 19Wieġeb l-anġlu u qallu: “Jiena Gabrijel, li qiegħed quddiem Alla. Hu bagħatni nkellmek u nwassallek din il-bxara t-tajba.#Dan 8,16; 9,21; Lhud 1,14. 20U issa, talli int ma emmintx kliemi, li għad iseħħ meta jasal il-waqt, ara, int tibqa’ mbikkem u ma tkunx tista’ titkellem sa dak in-nhar li jiġri kulma ħabbartlek.”#Lq 1,45.
21Sadattant il-poplu kien qiegħed jistenna lil Żakkarija, u kulħadd stagħġeb bid-dewmien tiegħu fis-santwarju. 22Meta mbagħad ħareġ, ma setax ikellimhom, u ntebħu li kellu xi dehra fis-santwarju. Beda jfehemhom bis-sinjali, u baqa’ mbikkem. 23Wara li mbagħad għalaqlu ż-żmien tas-servizz tiegħu, raġa’ lura lejn id-dar.
24Xi żmien wara, martu Eliżabetta nisslet fil-ġuf, u għal ħames xhur sħaħ fittxet li tinħeba min-nies, għax bdiet tgħid: 25“Hekk għamel miegħi l-Mulej, li għoġbu jneħħili minn fuqi l-għajb li kelli quddiem in-nies!”#Ġen 30,23.
It-taħbira tat-twelid ta’ Ġesù Kristu
26Imbagħad fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, 27għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija.#Mt 1,16-18; Lq 2,5. 28L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik#1,28: Sliem għalik: bil-Grieg khaire. Għażilna din it-traduzzjoni għax hekk daħlet fil-liturġija u fil-lingwaġġ reliġjuż. Oħrajn jippreferu jaqilbu khaire “Ifraħ” (bil-Lhudi ronni jew gili) skont it-traduzzjoni Griega tal-istedina għall-ferħ messjaniku fiż-żewġ orakli ta’ Sofonija 3,14 u Ġoel 2,21. Għalihom din it-traduzzjoni tmur ħafna aħjar mal-ambjent ta’ ferħ li nsibu fl-Evanġelju kollu ta’ San Luqa. Mimlija bil-grazzja: il-kelma fil-Grieg tista’ tfisser ukoll “favorita minn Alla, l-ippreferuta”., mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.” 29Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. 30Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla. 31Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù.#Ġen 16,11; Mħ 13,3; Is 7,14; Mt 1,21-23. 32Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru#2 Sam 7,12-16; Is 9,7. 33u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb#1,33: Dar Ġakobb: il-poplu ta’ Iżrael, imnissel mill-patrijarka Ġakobb, imsejjaħ ukoll Iżrael; ara Ġen 32,28., u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.”#Dan 7,14; Mik 4,7. 34Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel#1,34: Ma nagħrafx raġel: espressjoni Lhudija li tfisser żagħżugħa li ma kellha qatt relazzjonijiet konjugali ma’ xi raġel.?” 35Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla#1,35: Ikun qaddis u jissejjaħ Bin Alla: jew; jissejjaħ qaddis, Bin Alla..#Mt 1,20. 36Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, 37għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.”#Ġen 18,14. 38Imbagħad qalet Marija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn quddiemha.
Iż-żjara ta’ Marija lil Eliżabetta
39F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet#1,39: L-għoljiet: l-għoljiet tal-Lhudija., f’belt tal-Lhudija. 40Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. 41Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu;#Lq 1,15. 42u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!#Dt 28,4; Mħ 5,24. 43U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? 44Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. 45Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej#1,45: Hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej: jew Hienja dik li emmnet għax se jseħħ dak li bagħat jgħidilha l-Mulej.!”#Lq 1,20.
Innu ta’ tifħir lil Alla minn Marija
46Imbagħad qalet Marija:
“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,#1 Sam 2,1-10.
47u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
48għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,#1 Sam 1,11.
49għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
qaddis hu l-isem tiegħu.#S 111,9.
50Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien
fuq dawk li jibżgħu minnu.#S 103,13-17.
51Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.#2 Sam 22,28; S 89,10.
52Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,
u għolla ċ-ċkejknin.#Ġob 5,11; 12,19.
53Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.#1 Sam 2,5; S 107,9.
54Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,
għax ftakar fil-ħniena tiegħu,#S 89,3; Is 41,8.
55bħalma wiegħed lil missirijietna,
b’risq Abraham u nislu għal dejjem.”#Ġen 17,7; 22,17; Mik 7,20.
56Marija baqgħet ma’ Eliżabetta għal tliet xhur u mbagħad reġgħet lura lejn darha.
It-twelid ta’ Ġwanni l-Battista
57Eliżabetta għalqilha ż-żmien biex teħles, u kellha tifel. 58Il-ġirien u qrabatha semgħu li l-Mulej wera ħniena kbira magħha, u marru jifirħu magħha. 59Meta mbagħad fit-tmien jum ġew biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lit-tifel riedu jsemmuh Żakkarija għal missieru,#Ġen 17,12; Lev 12,3. #Lq 1,13. 60imma qabżet ommu u qalet: “Le, iżda Ġwanni jkun jismu.” 61Qalulha: “Ma hemm ħadd li jismu hekk fost qrabatek!” 62Imbagħad bdew jistaqsu bis-sinjali lil missieru x’ried isemmih, 63u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekk: “Ismu huwa Ġwanni.” U kulħadd baqa’ mistagħġeb. 64Dak il-ħin stess Żakkarija nfetaħlu fommu, ilsienu nħall, u beda jitkellem u jfaħħar lil Alla. 65U l-ġirien tagħhom ilkoll qabadhom il-biża’, u bdew ixandru dawn il-ġrajjiet kollha mal-għoljiet kollha tal-Lhudija, 66u kull min kien jismagħhom kien iżommhom f’qalbu u jgħid: “Mela x’għad ikun dan it-tifel?” U tassew, id il-Mulej kienet miegħu.
Il-profezija ta’ Żakkarija
67U Żakkarija, missieru, imtela bl-Ispirtu s-Santu u beda jħabbar u jgħid#1,67: Beda jħabbar u jgħid: il-kelma ħabbar qiegħda għall-kelma Griega eprofeteusen, tkellem ta’ profeta, ipprofetizza. Skont it-tradizzjoni biblika, il-profeta hu dak li jitkellem bis-saħħa tal-ispirazzjoni f’isem Alla u juri lill-bnedmin ir-rieda tiegħu. Żakkarija hawn qiegħed jitkellem imnebbaħ minn Alla, u qiegħed jinterpreta l-ġrajja li kienu għaddejja minnha hu u l-familja tiegħu.:
68“Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael,
għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,#S 41,13; 72,18; 111,9.
69u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni
f’dar David qaddej tiegħu,#S 18,2.
70bħalma wiegħed fl-imgħoddi
b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
71biex isalvana mill-għedewwa tagħna,
u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.#S 106,10.
72B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna
u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,#S 106,45-46. #Ġen 17,7; Lev 26,42; S 105,8-9.
73fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna:
li jagħtina l-grazzja#Ġen 22,16-17.
74li, wara li jeħlisna minn idejn l-għedewwa tagħna,
naqduh bla biża’,
75bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu ħajjitna kollha.#Tit 2,12.
76U int, tfajjel,
tissejjaħ profeta tal-aktar Għoli,
għax tmur qabel il-Mulej
biex tħejjilu triqatu#Is 40,3; Mal 3,1; Mt 3,3.
77u tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni
permezz tal-maħfra ta’ dnubiethom,
78mogħtija mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna,
li mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa;#Is 9,2; 58,8; 60,1-2; Mt 4,16.
79u jdawwal lil min jinsab
fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt,
u jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.”
80It-tifel kiber u ssaħħaħ f’ruħu, u baqa’ jgħix fid-deżert sa dakinhar li ħareġ quddiem Iżrael.#Mt 3,1; Lq 2,40.

Currently Selected:

LUQA 1: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in