YouVersion Logo
Search Icon

MATTEW 15

15
Kapitlu 15
It-tradizzjonijiet tal-antenati
(Mk 7,1-13)
1Imbagħad xi Fariżej u kittieba minn Ġerusalemm resqu fuq Ġesù u qalulu: 2“Dan l-għala d-dixxipli tiegħek jiksru t-tradizzjonijiet ta’ missirijietna? Għax huma ma jaħslux idejhom qabel ma jieklu.”#Lq 11,38. 3Ġesù wieġeb u qalilhom: “U intom l-għala tiksru l-kmandamenti ta’ Alla minħabba t-tradizzjoni tagħkom? 4Għax Alla qal, ‘Weġġaħ lil missierek u ’l ommok,’ u ‘min iżeblaħ lil missieru jew ’l ommu, jieħu l-mewt.’#Eż 20,12; 21,17; Dt 5,16; Lev 20,9; Lq 18,20; Ef 6,2. 5Imma intom tgħidu, ‘Jekk wieħed jgħid lil missieru jew ’l ommu, ‘il-ġid li għandi, li jista’ jkun ta’ għajnuna għalik, huwa offerta lil Alla,’ dak ma jkunx iżjed marbut li jweġġaħ lil missieru.’ 6U hekk iġġibu fix-xejn il-liġi ta’ Alla minħabba t-tradizzjoni tagħkom. 7Uċuħ b’oħra, sewwa ħabbar Isaija fuqkom meta qal,
8 ‘Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini
ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni.
9 Fiergħa hija l-qima li jagħtuni;
jgħallmu duttrina
li mhijiex għajr preċetti tal-bniedem.”
X’inhu li jtebba’ lill-bniedem
(Mk 7,14-23)
10Imbagħad sejjaħ lill-folla lejh u qalilhom: “Isimgħuni u ifhmuni! 11Mhux dak li jidħol mill-fomm itebba’ lill-bniedem#15,11: Itebba’ lill-bniedem: iniġġsu, jagħmlu impur, fis-sens morali., imma dak li joħroġ mill-fomm, dan hu li jtebba’ lill-bniedem.”#Mt 12,34. 12Resqu lejh imbagħad id-dixxipli u qalulu: “Taf li l-Fariżej skandalizzaw ruħhom meta semgħu din il-kelma?” 13Iżda hu weġibhom: “Kull siġra li ma ħawwilhiex Missieri li hu fis-smewwiet tinqala’ mill-għeruq.#Ġw 15,2. 14Ħalluhom: dawk għomja mexxejja tal-għomja; jekk agħma jmexxi lil agħma ieħor, it-tnejn jaqgħu ġol-ħofra.”#Mt 23,16-24; Lq 6,39; Rum 2,19. 15Qabeż Pietru u qallu: “Fissirhielna din il-parabbola.”#Mt 13,36; Mk 4,10; 7,17; Lq 8,9. 16Qallu Ġesù: “Intom ukoll għadkom s’issa bla moħħ? 17Ma tifhmux li kulma jidħol fil-fomm jibqa’ sejjer fl-istonku biex imbagħad jintrema fil-ħofra? 18Imma dak li joħroġ mill-fomm joħroġ mill-qalb, u dan hu li jtebba’ lill-bniedem.#Mt 12,34. 19Għax mill-qalb joħorġu ħsibijiet ħżiena, qtil, adulterji, żina, serq, xhieda qarrieqa, dagħa.#Rum 1,29-31; 1 Kor 5,10-11; 6,9-10; Gal 5,19-21; Ef 5,3-5; Kol 3,5-8; 1 Tim 1,9-10; 2 Tim 3,2-4; 1 Pt 4,3; Apk 21,8; 22,15. 20Dawn huma li jtebbgħu lill-bniedem. Imma li wieħed jiekol b’idejh m’humiex maħsula, dan ma jtebbax lill-bniedem.”
Il-fidi tal-mara Kangħanija
(Mk 7,24-30)
21Ġesù ħareġ minn hemm u telaq lejn Tir u Sidon. 22U ħarġet waħda mara Kangħanija#15,22: Kangħanija: minn nisel il-poplu indiġenu ta’ dawk l-inħawi. minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat u tgħid: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David; binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna!”#Mt 9,27; 20,30-31; Mk 10,47-48; Lq 18,38-39. 23Iżda hu ma weġibhiex kelma. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: “Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna.” 24Imma hu qalilhom: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael.”#Mt 10,6. 25Iżda hi resqet, inxteħtet quddiemu u qaltlu: “Għinni, Mulej!” 26Hu weġibha: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi.” 27“Hekk hu, Mulej,” qaltlu, “iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom!”#Lq 16,21. 28Imbagħad wieġeb Ġesù u qalilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq.” U minn dak il-ħin stess bintha fieqet.#Mt 8,10-13; 9,29.
Ġesù jfejjaq lil ħafna
29Ġesù baqa’ għaddej minn hemm u mar ħdejn il-baħar tal-Galilija; tala’ fuq l-għolja u qagħad bilqiegħda hemm.#Mt 5,1; Mk 7,31. 30U bdew resqin lejh ġemgħat kbar ta’ nies, li kellhom magħhom zopop, għomja, immankati, imbikkmin, u ħafna oħrajn; qegħduhomlu f’riġlejh, u hu fejjaqhom, 31hekk li n-nies kollha baqgħu mistagħġba meta raw l-imbikkmin jitkellmu, l-immankati qawwijin u sħaħ, iz-zopop jimxu u l-għomja jaraw; u bdew jagħtu glorja lil Alla ta’ Iżrael.#Mk 7,37.
Ġesù jitma’ erbat elef
(Mk 8,1-10)
32Ġesù sejjaħ lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Nitħassarhom lil dawn in-nies, għax ġa ilhom tlitt ijiem miegħi u ma għandhom xejn x’jieklu. Ma rridx inħallihom imorru sajmin, li ma jmurx iħosshom ħażin fit-triq.”#Mt 9,36; 14,14; Mk 6,34. #Mt 14,15; Mk 6,36; Lq 9,12. 33Qalulu d-dixxipli: “F’deżert bħal dan minn fejn se nġibu ħobż biżżejjed biex inxebbgħu kotra hekk kbira!”#Mk 6,37; Ġw 6,5. 34“Xi kemm għandkom ħobż?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Sebgħa, u xi ftit ħut żgħir.”#Mt 14,17; Mk 6,38-43; Lq 9,13-17; Ġw 6,9-13. 35Imbagħad qal lin-nies kollha jinxteħtu bilqiegħda fl-art, 36ħa s-seba’ ħobżiet u l-ħut, radd il-ħajr, qasamhom u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies. 37U kulħadd kiel u xaba’; u ġabru l-bċejjeċ li fadal, sebat iqfief mimlija. 38U kienu erbat elef raġel dawk li kielu, barra n-nisa u t-tfal.#Mt 14,21; Mk 6,44. 39Imbagħad bagħat in-nies, tala’ fuq id-dgħajsa, u mar lejn l-inħawi ta’ Magadan#15,39: Magadan: port ma nafux fejn kien jinsab. F’xi manuskritti naqraw Magdala..

Currently Selected:

MATTEW 15: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

YouVersion uses cookies to personalize your experience. By using our website, you accept our use of cookies as described in our Privacy Policy