YouVersion Logo
Search Icon

MALAKIJA 2

2
Kapitlu 2
1“U issa għalikom, qassisin, huwa dan il-kmandament:#S 102,16. 2Jekk intom ma tisimgħux, u jekk ma tfittxux minn qalbkom li ssebbħu lil ismi,” jgħid il-Mulej tal-eżerċti, “jiena nibgħat fuqkom is-saħta, u nisħet il-barkiet tagħkom. Anzi ġa sħetthomlkom, għax intom dan ma tfittxuhx minn qalbkom.#Lev 26,14-45; Dt 28,15-68. 3Ara, jien se naqlgħalkom dirgħajkom barra u nwaddab il-ħmieġ ma’ wiċċkom, il-ħmieġ tal-festi tagħkom, u lilkom narmikom miegħu. 4Imbagħad tagħrfu li kont jien li bgħatthulkom dan il-kmandament, biex jibqa’ l-patt tiegħi ma’ Levi,” jgħid il-Mulej tal-eżerċti.#Num 25,12-13; Dt 18,1-18; 33,8-11. 5“Il-patt tiegħi miegħu kien dan: il-ħajja u s-sliem, u jien tajthomlu; il-biża’ minni, u hu beża’ minni, u kien kollu mistħija quddiem ismi.#Num 25,12; Eżek 37,26-28. 6Kellu f’fommu tagħlim is-sewwa, u ebda ħażen ma nstablu fuq xufftejh; bis-sliem u r-reqqa mexa miegħi, u ħafna bnedmin reġġagħhom lura minn ħżunithom.#Eżek 33,8-11.
7“Għax xufftejn il-qassis għandhom iħarsu l-għerf, u n-nies minn fommu jfittxu t-tagħlim, għax hu l-messaġġier tal-Mulej tal-eżerċti.#Lev 10,10-11; Dt 17,9-10; 21,5; Ġer 18,18; Ħag 2,12; Mt 23,13-15. 8Imma intom twarrabtu mit-triq; ġagħaltu ’l ħafna jitfixklu bit-tagħlim tagħkom; ħassartu l-patt ta’ Levi,” jgħid il-Mulej tal-eżerċti. 9“Għalhekk jien ukoll tlaqtkom għaż-żebliħ u għat-tmaqdir tal-poplu kollu, bħalma intom ma żammejtux triqati, u ħaristu lejn l-uċuħ fit-tagħlim tagħkom.”
10Mhux Missier wieħed għandna lkoll kemm aħna? Mhux Alla wieħed ħalaqna? Mela għaliex nimxu bil-qerq bejnietna u nonqsu mill-ġieħ lejn il-patt ta’ missirijietna?#Dt 1,31; Ġob 31,15; Mt 23,9; Ef 4,6.
Żwiġijiet imħallta u d-divorzju
11Ġuda mexa bil-qerq, sar ħaġa mistkerrha f’Iżrael u f’Ġerusalemm, għax Ġuda naqas mill-ġieħ lejn is-santwarju għażiż għall-Mulej, u żżewweġ ma’ bint ta’ alla stranġier#2,11: U żżewweġ ma’ bint ta’ alla stranġier: iż-żwieġ mal-pagani kien ipprojbit mil-Liġi ta’ Mosè; ara Dt 7,1-4. Wara l-eżilju Esdra u Neħemija ġagħlu lil-Lhud li ġew lura jibagħtu ’l barra lin-nisa barranin u joqogħdu għal-Liġi..#Esd 9,2; Neħ 13,25. 12Jalla l-Mulej, bħala xhieda u tweġiba, jaħsad il-bniedem li jagħmel dan mit-tined ta’ Ġakobb u minn dawk li jġibu offerti lill-Mulej tal-eżerċti!
13Terġa’ dan ukoll tagħmlu: intom tiksu l-artal tal-Mulej bid-dmugħ u bil-biki u bit-tnehid, għax m’għadux aktar jagħti wiċċ lill-offerta tagħkom u jilqagħha bil-qalb minn idejkom. 14U intom tgħidu: “Għaliex?” Għax bejnek u bejn il-mara ta’ żgħożitek hemm xhud il-Mulej; u int qarraqt biha, għad li hi s-sieħba tiegħek u l-mara li magħha ntrabatt.#Prov 5,18-20. 15U ma għamilhiex l-istess Alla, li jkollha ġisem u ruħ? U xi jrid dan il-wieħed? Nisel skont Alla! Ħarsu rwieħkom, mela, u qisu li ħadd ma jqarraq bil-mara ta’ żgħożitu.#Ġen 2,24; Mt 5,31-32; Ef 5,24-32. 16“Għax jiena d-divorzju nobogħdu#2,16: Għax jiena d-divorzju nobogħdu: il-profeta jikkundanna d-divorzju. Din il-kundanna laħqet il-quċċata tagħha fi kliem Ġesù Kristu; ara Mt 5,32; 19,4-6; Mk 10,1-12.,” jgħid il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, “u lil min jiksi lbiesu bil-ħażen,” jgħid il-Mulej tal-eżerċti. “Mela ħarsu rwieħkom, u tkunux qarrieqa!”
Jum il-Mulej
17Dejjaqtuh il-Mulej bid-diskorsi tagħkom! Imma intom tgħidu: “Biex dejjaqnieh?” Billi tgħidu: “Dawk kollha li jagħmlu l-ħażen huma tajbin f’għajnejn il-Mulej, u hu fihom isib l-għaxqa”, jew tgħidu: “Fejn hu Alla tal-ġustizzja?”#Ġob 21,7-8.

Currently Selected:

MALAKIJA 2: MB20

Highlight

Copy

Compare

Share

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in