DEWTERONOMJU 24
24
Kapitlu 24
Id-divorzju
1“Jekk raġel jieħu mara u jiżżewwiġha, u mbagħad ma tkunx togħġbu għax ikun sab fiha xi ħaġa mhix xierqa, jiktbilha l-kitba tad-divorzju#24,1: Jiktbilha l-kitba tad-divorzju: id-divorzju kien aċċettat u pprattikat għal kull ħaġa ta’ xejn fis-soċjetajiet kollha ta’ dik il-ħabta. Din il-liġi mhijiex qiegħda tneħħih, għax fiċ-ċirkustanzi kienet ħaġa impossibbli, iżda tikkontrollah u ma tħallihx għall-kapriċċ tar-raġel. Ġesù mar aktar lil hinn u neħħa wkoll din il-liġi, u kkundanna d-divorzju; ara Mt 5,31-32; 19,7-9; Mk 10,5-9; Lq 16,18; 1 Kor 7,10. Xi ħaġa mhix xierqa: x’kienet din il-ħaġa l-għorrief Lhud ma kinux jaqblu fuqha; ara Mt 19,3., u jagħtihielha f’idha, u jibgħatha ’l barra minn daru.#Mt 5,31; 19,7; Mk 10,4. 2Meta mbagħad toħroġ minn daru u ssir il-mara ta’ ħaddieħor 3u jumbraha wkoll it-tieni raġel, u jiktbilha l-kitba tad-divorzju, u jagħtihielha f’idha, u jibgħatha ’l barra minn daru, jew inkella dan ir-raġel imut, 4ma jkunx jista’ l-ewwel raġel tagħha, li jkun bagħatha qabel, jerġa’ jeħodha b’martu, wara li tkun tniġġset; għax din ħaġa moqżieża quddiem il-Mulej, u m’għandekx iġġib il-ħtija fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik b’wirt.
5“Meta raġel jieħu mara ġdida, ma joħroġx għall-gwerra, u ma jitgħabba b’xejn, iżda jibqa’ ġo daru għal sena sħiħa, u jferraħ lill-mara li jkun ħa.#Dt 20,7.
6“M’għandek tieħu xejn b’rahan mill-mitħna#24,6: Xejn b’rahan mill-mitħna: għax inkella tħalli lil dak li jkun bla ħobż. Provvediment ieħor ta’ umanità fost il-ħafna li nsibu f’dan il-ktieb, l-aktar f’dan il-kapitlu., la ħaġra ta’ fuq u lanqas il-ħaġra ta’ taħt, għax tkun qiegħed tieħu b’rahan il-ħajja ta’ dak li jkun.#Eż 22,26-27.
7“Jekk jinqabad xi ħadd li jkun seraq lil xi wieħed minn ħutu, minn ulied Iżrael, u ijassru u jbigħu, dan il-ħalliel għandu jmut, u hekk tkun qridt il-ħażen minn ġo nofsok.#Eż 21,16; 1 Kor 5,13.
8“Fil-mard tal-ġdiem qisu sewwa li tagħmlu kulma jgħallmukom il-qassisin Leviti, bħalma jien diġà ordnajtilkom hekk tagħmlu.#Lev 13—14. 9Ftakar x’għamel il-Mulej, Alla tiegħek, lil Mirjam fit-triq, meta ħriġtu mill-Eġittu.#Num 12,10-15.
10“Jekk tislef xi ħaġa lil għajrek, tidħolx ġewwa daru biex tieħu r-rahan tagħha, 11iżda ibqa’ barra, u r-raġel li tkun sliftu joħroġ u jġiblek ir-rahan barra. 12Jekk ikun xi bniedem fqir, la torqodx bir-rahan tiegħu; 13imma ma’ nżul ix-xemx qis li r-rahan troddulu lura, u hu jorqod bil-libsa tiegħu u jbierkek; u int ikollok il-ħlas quddiem il-Mulej.#Eż 22,25-27; Ġob 22,6; Għam 2,8.
14“La żżommx il-ħlas tal-miskin u l-fqir, sew jekk ikun wieħed minn ħutek, sew jekk ikun wieħed mill-barranin, li jkun jgħammar fi bliet artek.#Lev 19,13; Tob 4,15; Sir 34,25-26; Ġer 22,13; Mal 3,5; Ġak 5,4. 15Agħtih il-ħlas dak in-nhar stess, u tħallix ix-xemx tgħib minn fuqu, għax hu fqir u dan ikun jistenna. U ma jgħajjatx kontra tiegħek quddiem il-Mulej, u jkollok ħtija.
16“M’għandekx tagħti l-mewt lill-missirijiet minħabba wliedhom, jew lill-ulied minħabba missirijiethom. Agħti l-mewt lil kulħadd għal dnubu.#Ġen 18,24; Dt 7,10; 2 Slat 14,6; 2 Kron 25,4; Ġer 31,29-30; Eżek 14,12; 18,20.
17“La tgħawwiġx id-dritt tal-barrani jew tal-iltim; u lanqas tieħu b’rahan il-libsa tal-armla.#Eż 22,20-22; 23,9. 18Ftakar li int kont ilsir fl-Eġittu, u minn hemmhekk fdiek il-Mulej, Alla tiegħek. Għalhekk jien nordnalek li tagħmel dan.#Dt 15,15; Lev 19,33-34.
19“Meta tkun taħsad il-ħsad fir-raba’ tiegħek, u tinsa warajk xi qatta fl-għalqa, terġax lura biex tiġborha, imma ħalliha għall-barrani u l-iltim u l-armla, biex ibierkek il-Mulej, Alla tiegħek, f’kulma jagħmlu idejk.#Eż 23,11; Dt 26,12-13; Lev 19,9-10; 23,22; Rt 2,2. 20Meta tfarfar iż-żebbuġ tiegħek, la tlaqqatx li jibqa’ fil-friegħi; ħallihom għall-barrani, għall-iltim u għall-armla. 21Meta tiġbor l-għeneb mid-dwieli tiegħek, la tiġborx li jifdal warajk, imma ħallihom għall-barrani, għall-iltim u għall-armla. 22Ftakar li int kont ilsir fl-Eġittu; għalhekk jien qiegħed nordnalek li tagħmel dan.
Currently Selected:
DEWTERONOMJU 24: MB20
Highlight
Share
Copy

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.